Sigurtà
19-il bajja fil-gżejjer Maltin mgħassa mil-lifeguards għal li jista’ jinqala’

Fuq l-għatba tas-sajf, beda jingħata s-servizz ta’ lifeguards fi 19-il bajja f’Malta, Għawdex u Kemmuna. Għal dan is-servizz li se jibqa’ għaddej sal-aħħar ta’ Settembru, il-gvern se joħroġ €900,000.

Tnax-il bajja f’Malta, ħamsa f’Għawdex u tnejn f’Kemmuna għandhom servizz ta’ lifeguards bl-użu wkoll din is-sena ta’ ħames jet skis. Il-Ministru għat-Turiżmu, Julia Farrugia Portelli ħabbret li għall-ewwel darba twaqqfet klinika tal-ewwel għajnuna f’Wied iż-Żurrieq u f’Għar Lapsi li se jitmexxa mis-Soċjeta’ Maltija tas-Salib l-Aħmar.

“Qed inkopru 19-il bajja f’ Malta u Għawdex u din is-sena żidna bajja oħra dik ta’ Wied iż-Żurrieq u Għar Lapsi fejn għall-ewwel darba se jkollna mobile clinic li tkun immexxija b’mod professjonali u tkun tista tkopri ż-żona tas-south kollha,” qalet il-Minsitru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli.

Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li s-servizz joffri sigurtà u jtejjeb il-kwalità tal-esperjenzi tal-Maltin fil-bajjiet u magħhom tat-turisti li mill-1 ta’ Lulju se jerġgħu jibdew iżuru l-pajjiż.

Id-Direttur tal-Operat tas-Soċjeta’ Maltija tas-Salib l-Aħmar, Kevin Brincau, qal li l-għaqda tipprepara sew biex tkun tista’ taqdi d-dmirijiet ta’ salvataġġ u l-ewwel għajnuna b’mod professjonali.

“Dan is-servizz ilna naħdmu fuqu issa dawn l-aħħar xhur u huwa ta’ sodisfazzjon li niġu u naraw kollox jingħaqad, hopefully inkunu nistgħu ngħinu lil kull min iżur lil dawn il-postijiet biex ikun iżjed sigur,” qal id-Direttur tal-operat tal-Malta Red Cross, Kevin Brincau.

Id-direttur dwar l-iżvilupp tal-prodott fi ħdan l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, il-Perit Kevin Fsadni qal li l-awtorità ilha żmien twil timmaniġġja l-bajjiet u dawn is-servizzi jkomplu jagħtu serħan il-moħħ lill-esperjenzi tat-turisti u l-Maltin.

Il-bajjiet f’Malta huma l-Ġnejna, Għajn Tuffieħa, Golden Sands, l-Għadira, il-Bajja ta’ Buġibba, il-Ponta tal-Qawra, il-Bajja ta’ San Ġorġ u l-Bajja tal-Balluta f’San Ġiljan, Fond Għadir f’Tas-Sliema, il-Fajtata f’Wied il-Għajn u l-Bajja s-Sabiħa u l-Bajja ta’ San Ġorġ f’Birżebbuġa.

F’Għawdex, il-bajjiet b’servizz ta’ lifeguard jammontaw għal ħamsa, li huma r-Ramla l-Ħamra, Marsalforn, ix-Xlendi, Mġarr ix-Xini u Ħondoq ir-Rummien. Hemm ukoll servizz ta’ lifeguard fil-bajjiet ta’ Blue Lagoon u l-Bajja ta’ Santa Marija f’Kemmuna.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi ħatar inkjesta skont il-liġi bil-għan li tistabilixxi l-fatti b’rabta ma’ każ fejn priġunier li ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest, kien rilaxxat mill-ħabs u deher…

Lokali

Il-Maltapost qalet li l-ħidma tagħha għadha ma ġietx lura għan-normal riżultat fost l-oħrajn ta’ tnaqqis b’aktar min-nofs fit-titjirjiet kummerċjali, iż-żieda fix-xiri online u l-akkumulazzjoni ta’ posta f’tliet pajjiżi Ewropej. Il-Maltapost…

COVID-19

Tħassar ukoll il-kunċert ta’ Joseph Calleja li din is-sena kellu jsir fl-4 ta’ Settembru fuq il-Fosos tal-Furjana u li issa mistenni jsir f’format differenti. NnG Promotions, l-organizzaturi tal-kunċert li bħala…

Annimali

Ilbieraħ, il-BirdLife Malta ġabret għasfur pjuttost rari li huwa sottospeċi Mediterranja tal-Bies, li nstab ferut b’tiri ta’ senter fl-Għarb, Għawdex. Fi stqarrija, il-BirdLife qalet li l-għasfur instab minn familja li…

Aktar