Agrikultura
19-il entità li jipproċessaw prodotti agrikoli se jieħdu fondi għall-iżvilupp rurali

L-aħħar fondi għall-iżvilupp rurali mill-budget attwali tal-Unjoni Ewropea se jitqassmu bejn dsatax-il entità li jispeċjalizzaw fil-produzzjoni tal-ħalib, l-ipproċessar tal-laħam u fniek, għall-produzzjoni ta’ bajd, tadam u nbid fost l-oħrajn.

Dsatax-il entità li jiffukkaw fl-ipproċessar ta’ prodotti agrikoli se jieħdu fondi bħala appoġġ għal investimenti fl-ipproċessar u l-iżvilupp tal-prodotti agrikoli. Bejniehom huma se jieħdu ħames miljuni u erba’ mitt elf ewro, parti minnhom fondi tal-Unjoni Ewropea.

Il-produtturi tal-ħalib huma fost il-benefiċċjarji. Il-kap eżekuttiv tal-Grupp Koperattiva Produtturi Ħalib, Robert Cauchi, qal li dawn il-fondi huma meħtieġa għall-kumpanija biex tibqa’ sostennibbli u tavvanza fit-teknoloġija. Is-Sur Cauchi spjega li l-pandemija tefgħet piż akbar fuq il-produtturi tal-ħalib.

”Tlifna settur importanti tal-lukandi, restaurants u catering u kellna sfidi kif nużaw il-ħalib tagħna. In fatti tafu li r-raħħal ma jistax iwaqqaf il-ħalib – għandek il-ħalib dieħel u sibna kif niddiversifikaw u kif nistgħu nqassmu l-prdotti tagħna biex ir-raħħal ma jsoffrix minnha u b’hekk wasalna sa fejn wasalna llum u in fatti kien hemm għajnuniet fil-fatt kien hemm għajnuniet minn tal-Ewropa wkoll biex inżommu dan is-settur għaddej waqt dan iż-żmien diffiċli ħafna.”

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi, qal li b’sostenn minn fondi tal-Unjoni Ewropea dan is-settur jista’ jkompli jimxi ‘l quddiem u l-prodotti lokali jitwasslu għand il-konsumatur fl-aħjar mod. Qal li din il-miżura torbot ma’ oħrajn li jagħtu opportunità lill-bdiewa biex itejbu l-kapaċità produttiva tagħhom.

Il-Ministru għall-Agrikoltura u l-Ikel, Anton Refalo, qal li b’dawn il-fondi qed jingħalaq il-programm għal żvilupp rurali tal-aħħar seba’ snin. Qal li sadanitttant għaddejja ħimda għall-programm ġdid, li jwassal sal-2027, bi skemi oħra ta’ għajnuna għall-bdiewa u r-raħħala.