Enerġija
1,900 pannella tax-xemx se jiġġeneraw elettriku għal 250 familja

1,900 pannella tax-xemx li qed jiġu installati fuq bejt ta’ ġibjun fil-Qrendi se jiġġeneraw bejniethom biżżejjed elettriku għal 250 familja. Dan il-proġett hu wieħed minn sensiela ta’ proġett oħrajn li qed isiru biex spazji tal-entitajiet tal-Gvern, bħas-soqfa tal-ġibjuni, jinbidlu f’solar farms.

Fuq medda ta’ 5,000 metru kwadru, il-bejt tal-Ġibjun Ta’ San Niklaw fil-Qrendi qed jinkesa bil-pannelli tax-xemx li bejniethom se jiġġeneraw biżżejjed elettriku għal 250 residenza. L-Inġinier tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Trustin Farrugia Cann, qal li b’kollox qed jiġu installati iktar minn 1,900 pannella tax-xemx.

“Se jkun qed jiġġenera madwar miljun Kilowatt hour fis-sena u dak bażikament se jkunu qed igawdu minnu madwar 250 familja b’investiment ta’ madwar miljun ewro.”

Dan il-proġett qed isir bi sħubija bejn il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u l-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji permezz tal-kumpanija Malta Energy li twaqqfet tliet snin ilu. Il-President tal-Kamra, Paul Abela, qal li l-kumpanija tmexxi għal żmien temporanju spazji tal-entitajiet tal-Gvern, bħas-soqfa tal-ġibjuni, u taqlibhom f’solar farms.

“Il-pajjiż ovvjament għax il-proġett se nkunu tajna biex Malta tilqa’ l-miri ambjentali li għandha sal-2050 u ovvjament ir-residenti li se jkun ta’ benefiċċju għax ‘il quddiem se nagħmlu proġett biex jidħlu residenti li m’għandhomx bjut u ma m’għandhomx fejn jagħmlu l-pannelli.”

Bħalissa għaddej proġett simili fuq erba’ ġibjuni li jinsabu f’Ta’ Ċenċ, Għawdex. Bis-solar farm fil-Qrendi, il-pajjiż se jkollu b’kollox ħames ġibjuni li jintużaw għall-ġenerazzjoni ta’ enerġija nadifa. Bejniethom se jiġġeneraw biżżejjed elettriku għal 750 residenza.

Waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol, il-Ministru għall-Enerġija, Miriam Dalli, faħħret il-proġett u qalet li l-Gvern impenjat li jkompli jinvesti f’iktar enerġija nadifa.