Kultura
1940 Fordson7v Fire Tender se tiġi restawrata

Heritage Malta u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għadhom kemm iffirmaw Memorandum ta’ Ftehim rigward l-ispeċjalizzazzjonijiet rispettivi tagħhom, fost oħrajn, ir-restawr ta’ 1940 Fordson7v Fire Tender u tat-torri l-antik għall-kontroll tat-traffiku tal-arju f’Ħal Far.

Din il-vettura, li ntużat fi żmien il-gwerra f’Malta, tifforma parti mill-kollezzjoni nazzjonali mmexxija minn Heritage Malta. Il-Fordson7v Fire Tender inbniet qrib l-1940. Dan l-apparat tal-pompi kien skont l-istandard ta’ dak iż-żmien tal-Home Office għall-Auxiliary Fire Service fl-Ingilterra mill-1939 sa l-1943. Mijiet inbnew għat-taqsima tat-tifi tan-nar imma wħud kienu ntbagħtu għand il-Forzi Armati.

Il-vettura li tinsab għand Heritage Malta kienet ġiet mgħoddija lir-Royal Air Force. Kienet titħaddem b’magna Ford V8 ‘Flathead’, l-istess bħas-Sulzer Pump li kienet iġġorr fuq in-naħa ta’ wara tagħha, u allura din kellha żewġ magni Ford V8. Kellha wkoll sellum Ajax ta’ 20 pied fuq is-saqaf. Inżebgħet bil-kuluri tar-Royal Air Force u ntużat f’wieħed mit-tliet ajrudromi tal-RAF fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija.
Membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili se jassistu fir-restawr ta’ din il-vettura taħt id-direzzjoni ta’ uffiċċjali ta’ Heritage Malta, mentri Heritage Malta se tkun qed tassisti fir-restawr tat-torri l-antik għall-kontroll tat-traffiku tal-arju. Eventwalment, il-vettura restawrata se tiġi esebita fil-Forti Sant’Iermu li fih jinstab il-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra. Heritage Malta se tkun qed tipprovdi parir professjonali tekniku lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, mentri d-Dipartiment se jkun qed joffri taħriġ għat-tifi tan-nar lill-impjegati ta’ Heritage Malta.

Emanuel Psaila, Direttur tad-Dipartiment għall-Protezzjoni Ċivili, qal li din il-kollaborazzjoni hija waħda minn sensiela ta’ ftehim li qegħdin isiru ma’ numru ta’ entitajiet differenti bil-għan li jinħoloq ko-ordinament bejniethom. Anki f’dan il-każ, iż-żewġ partijiet ser jersqu lejn xulxin biex ikun hemm iktar ko-ordinazzjoni ta’ ħidma flimkien.

Noel Zammit, Aġent CEO ta’ Heritage Malta, faħħar dan il-ftehim. Huwa spjega li kollaborazzjonijiet bħal dawn ma’ esperti minn barra mill-Aġenzija jintlaqgħu b’mod pożittiv.