2.1 miljun karozza AUDI b’tagħmir li jimmarka inqas emissjonijiet

Il-kumpanija Audi, waħda mill-kumpaniji li tagħmel parti mill-grupp tal-Volkswagen, qalet li 2.1 miljun karozza tagħha madwar id-dinja ġew stallati b’tagħmir tal-Volkswagen li jimmarka inqas emissjonijiet milli suppost meta jsir it-test tal-emissjonijiet fuq il-vettura.

Kważi miljun vettura u nofs tad-ditta Audi b’magni EU5 huma affetwati fil-Punent tal-Ewropa – 577,000 minnhom fil-Ġermanja u kważi 13,000 oħra fl-Istati Uniti. Il-mudelli affetwati jinkludu A1, A3, A4, A5, A6, TT, Q3 u Q5.

Il-ġimgħa l-oħra, il-Volkswagen qalet li mal-11-il miljun karozza fi ħdan il-grupp tista’ tkun affetwata.

L-iskandlu nkixef meta l-Aġenzija Amerikana għall-Protezzjoni tal-Ambjent sabet li xi karozzi li jużaw id-diesel kellhom tgħamir stallat li jħoss meta l-magna tkun qed tagħmel test tal-emissjonijiet bir-riżultat li jimmarka inqas emissjonijiet.

Il-kumpanija Ġermaniża talbet apoloġija talli kisret il-fiduċja tal-konsumaturi u nhar il-Ġimgħa ħabbret li Matthias Mueller ser jieħu post Martin Winterkorn bħala kap eżekuttiv.

Rapport mhux konfermati qalu li kienu sospiżi l-kapijiet fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp fil-grupp kollu u dawn involvew impjegati mill-kumpaniji Audi, Porsche u l-Volkswagen.

Volkswagen boss Martin WinterkornFi żvilupp separat, prosekuturi Ġermaniżi bdew l-investigazzjonijiet kontra l-ex-Kap Eżekuttiv tal-Volkswagen Martin Winterkorn. Mistennija jiġu nvestigati allegazzjonijiet ta’ frodi fil-bejgħ ta’ karozzi b’tagħmir li jimmanipula l-emissjonijiet.

Winterkorn irriżenja l-ġimgħa l-oħra wara kważi disa’ snin fit-tmun tal-Volkswagen u qal li ma kienx jaf bit-tagħmir li jimmarka inqas emissjonijiet fl-arja meta l-vettura titla’ għat-test.