Kronaka
2 irġiel arrestati b’rabta mal-attentat ta’ serqa ta’ ATM

Investigazzjoni bla waqfien mill-Pulizija tal-Għassa tal-Qawra waslet biex ġie solvut il-każ tal-attentat ta’ serqa ta’ ATM ta’ kumpanija privata mill-Qawra. TVM huwa infurmat li tard il-Ħadd bil-lejl, il-Pulizija arrestat żewġ irġiel Maltin ta’ 32 u 46 sena.

Il-każ seħħ ħamest ijiem ilu, fid-29 ta’ Awwissu. Fl-aħħar sigħat, il-Pulizija rnexxielha tintraċċa l-vann li ntuża mill-ħallellin biex jgħabbu l-magna fih. Il-vann instab maqful f’garaxx f’Buġibba. Minn aktar stħarriġ, il-pulizija waslu għall-arrest taż-żewġ persuni.

Wara sigħat ta’ interrogazzjoni fid-Depot,il-Pulizija għandha biżżejjed provi f’idejha sabiex tressaq il-Qorti liż-żewġ persuni matul il-ġurnata ta’ għada quddiem il-Magistrat tal-Għassa Aaron Bugeja.

Dakinhar tas-serqa, il-pjan tal-ħallellin,  li jieħdu l-ATM b’kollox minn fuq il-post, falla.

Ritratti li kiseb TVM minn kamera tas-sigurtà juru vann ipparkjat qrib l-ATM, b’raġel jipprova jgħabbi l-magna fil-vann.  Madankollu jidher li l-ħallelin ma rnexxilhomx jgħabbu l-ATM fil-vann, u abbandunaw kollox billi ħallew il-magna maqluba fl-art u ħarbu minn fuq il-post.

Ara wkoll:

ARA: Jippruvaw jisirqu ATM f’Buġibba iżda ma jirnexxilhomx jgħabbuha