Droga
2 irġiel arrestati wara li nqabdu bid-droga

Żewġt irġiel qegħdin jinżammu taħt arrest wara li fil-pussess tagħhom instabu pakketti b’sustanza suspettuża, allegatament droga. Huma kienu arrestati mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit (RIU), is-Sibt filgħaxija, waqt ronda fil-Marsa.

Kienu għall-ħabta tat-8.30pm xħin il-Pulizija waqfu vettura fi Triq ix-Xwieni, fil-Marsa, wara li qam suspett fiż-żewġ persuni li kienu fiha. Il-vettura kienet qiegħda tinstaq minn raġel ta’ 29 sena residenti Birżebbuġia u passiġġier, raġel ta’ 44 sena residenti Bormla.

Minn tfitxija li saret fuq iż-żewġ persuni, instabu pakketti bi trab kannella, suspettata droga. Il-Pulizija wettqu wkoll tfittxija fil-vettura fejn instabu diversi oġġetti relatati malabbuż tad-droga.

Bil-każ kienu infurmati l-Pulizija tal-Għassa ta’ Raħal Ġdid, li qegħdin imexxu linvestigazzjonijiet.