Lokali
3 irġiel jintbagħtu l-ħabs wara li provaw iħallu Malta b’dokumenti foloz

Żewġt irġiel mill-Eritrea u Niġerjan ġew ikkundanati bejniethom 32 xahar ħabs wara li ammettew li ppruvaw jitilqu minn Malta b’dokumenti foloz.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Hubert Gerada qalet li Kedan Awad ta’ 45 sena u Aforke Kebroum ta’ 36 sena, it-tnejn mill-Eritrea, kienu ġew salvati mill-Forzi Armati ta’ Malta u kif ħarġu mid-detenzjoni, ippruvaw jaħarbu mill-pajjiż b’dokumenti foloz.

Dwar in-Niġerjan, Benedict Ireobhude ta’ 33 sena, il-prosekuzzjoni qalet li dan huwa immigrant tal-Italja, li ġie Malta xi żmien ilu b’dokumenti foloz bit-tama li jsib futur aħjar hawn iżda ma rnexxilux u ried jirritorna l-Italja b’dokumenti foloz.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea, ikkundannat lill-irġiel mill-Eritrea għal 12-il xahar ħabs kull wieħed u lin-Niġerjan għal tmien xhur ħabs. Huma kollha kienu rapreżentati mill-avukat tal-għajnuna legali, Martha Mifsud.