COVID-19
AĠĠORNAT: Irreġistrat it-tieni każ tal-varjant Indjan f’Malta

Malta rreġistrat it-tieni każ tal-varjant Delta, magħruf aħjar bħala l-varjant Indjan. Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li dawk f’kuntatt mal-pazjent nstabu negattivi iżda ġew ordnati jibqgħu fi kwarantina. Bħalma kien l-ewwel każ, Dr Ferane qal li ma jidhirx li t-tieni każ tal-varjanet Indjan kien impurtat u jista’ jkun li l-pazjent ħa l-virus mill-komunità.

Żied jgħid li qed ikun imbassar li sa sitt ġimgħat oħra, 90% tal-każi ġodda fl-Ewropa kollha ħa jkunu l-varjant Indjan. Fid-dawl ta’ dan, l-awtoritajiet tas-saħħa Maltin iridu li minn tal-anqas 85% tal-adulti Maltin ikunu tlaqqmu. Qal li s’issa 81.5% diġà ħadu l-ewwel doża u 73% huma mlaqqma b’mod sħiħ.

Dr Fearne qal li mindu beda t-tilqim għal tfal u żgħażagħ ta’ bejn it-tnax u l-ħmistax-il sena, żewġ terzi ta’ dawk li rċevew l-appuntament marru għat-tilqima.

Dwar l-ivjaġġar minn u lejn Malta, id-Deputat Prim Ministru spjega li minn għada, l-ewwel ta’ Lulju, iċ-ċertifikat tat-tilqim ta’ Malta se jkun rikonoxxut mal-bqija tal-Unjoni Ewropea. Bl-istess mod, Malta se tagħraf iċ-ċertifikati tat-tilqim ta’ pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea. Qal li għalkemm ir-Renju Unit m’għadux fl-Unjoni Ewropea, iċ-ċertifikat maħruġ minn dan il-pajjiż se jinqara mis-sistema Ewropea.

Dr Fearne qal li żdiedet kategorija – b’lewn aħmar skur – li fiha ‘l fuq minn 130 pajjiż li Malta mhix taċċetta d-dħul ta’ persuni ġejjin minnhom anke jekk ikollhom ċertifikat li tlaqqmu. Il-Maltin li jiġu minn dawn il-pajjiżi jridu joqogħdu bilfors kwarantina. Spjega li dawn huma pajjiżi fejn hemm firxa qawwija ta’ varjanti u każi ta’ covid.

Mistoqsi dwar tnaqqis ta’ miżuri biex jippermettu aktar attivitajiet tal-massa, id-Deputat Prim Ministru wieġeb li fl-aħħar ġimgħat kellu taħditiet mal-Assoċjazzjoni tal-Arti u l-Industrija tad-Divertiment u li fil-jiem li ġejjin se titħabbar skema t’għajnuna għall-artisti.

Dwar it-tilqima għal tfal ta’ taħt it-tnax-il sena, Dr Fearne qal li hemm kumpanija li qed tibgħat informazzjoni lill-aġenziji regolatorji dwar il-possibilità li aktar tard din is-sena jkun hemm tilqima li tista’ tingħata lil tfal fl-etajiet bejn il-ħames snin u tnax-il sena.