Saħħa
2 minn kull 3 ħaddiema Maltin jgħidu li jbatu minn problemi ta’ saħħa mentali fuq ix-xogħol

Aktar minn 40 siegħa f’ġimgħa fil-post tax-xogħol u ammont kbir ta’ xogħol huma fost il-fatturi ewlenin li waslu biex żewġ terzi tal-ħaddiema li ħadu sehem fi stħarriġ lokali qalu li għandhom problemi ta’ saħħa mentali. L-istħarriġ wera wkoll li kważi tliet kwarti tal-ħaddiema qatt ma’ avviċinaw lil min jimpjegahom dwar din l-isfida. Madankollu, il-maġġoranza ta’ dawk li għamlu dan il-pass qalu li ma sabux appoġġ.

Stħarriġ mill-kumpanija MISCO fost 565 ħaddiem minn 9 oqsma wera li tnejn minn kull tliet ħaddiema qed ibatu minn problemi ta’ saħħa mentali fuq ix-xogħol.

Il-koordinatriċi tal-istħarriġ Odessa Farrugia qalet li terz tal-ħaddiema bi problema ta’ saħħa mentali ġejjin mis-settur pubbliku, l-aktar mill-oqsma tal-amministrazzjoni, d-difiża, l-edukazzjoni u s-saħħa.

Indikat li aktar minn 40 siegħa ta’ xogħol fil-ġimgħa u l-ammont kbir ta’ xogħol li qed ikollhom ilaħħqu miegħu bħala r-raġunijiet ewlenin li qed iwasslu għal stress. Mill-istħarriġ ħareġ li 69% ammettew li qatt ma ħadu leave mix-xogħol minħabba l-isfidi ta’ saħħa mentali.

Odessa Farrugia rrimarkat li l-ħaddiema stess qalu kif l-istress jista’ jittaffa.

L-impjegati xi ħaġa li tinteressahom hi li jaħdmu flexible hours fir-rutina tax-xogħol – li tkun hdimt il-gurnata tiegħek, ikollok appuntament filgħodu, u you make up your hours at the office or work place jekk ix-xogħol tiegħek jippermetti din it-tip ta’ flessibilità,” qalet Odessa Farrugia.

Melvin Calleja mill-Fondazzjoni Richmond qal li mhux sorpriż bir-riżultati tal-istħarriġ u semma diversi fatturi li jikkawżaw stress.

“Issues ta’ bullying, issues ta’ persuna li ma tibqax kuntenta fuq il-post tax-xogħol għax ikun hemm ħafna xogħol jew tibdil li l-persuna ma tkunx lesta għal tibdil. Fuq il-post tax-xogħol naraw ukoll burnout – meta persuna tkun ilha taħdem fit-tul fuq il-post tax-xogħol mingħajr ma tieħu break, li ma tibqax tati każ ix-xogħol għax tħossa għajjiena u li m’għadux jara ix-xogħol bħala kontribut lis-soċjetà,” spjega Melvin Calleja minn Richmond Foundation.

Is-Sur Calleja qal li kull post tax-xogħol fih il-piż tiegħu, u żewġ persuni li jagħmlu l-istess xogħol jistgħu ikunu affetwati differenti. Qal li problemi ta’ saħħa mentali mhux bilfors ikunu dawk li fid-deher huma gravi, u jekk wieħed jinnota bidla fl-attitudni tiegħu, fosthom li ma jibqax jieħu pjaċir b’delizzju li kien għal qalbu jew qed iħossu mdejjaq fuq il-post tax-xogħol, għandu jiftaħ qalbu.

“Importanti ma jżomuhomx għalihom jew jitkellmu ma xi ħadd. Jista’ jkun manager li tafda, supervisor, kollega, ħabib jekk ma tafdax nies tax-xoghol, familja,” kompla Melvin Calleja.

L-istħarriġ li sar qabel faqqgħet il-pandemija COVID-19 indika li kważi tliet kwarti tal-ħaddiema qatt ma tkellmu fuq problemi ta’ saħħa mentali ma’ min iħaddimhom. Minn dawk li fittxew għajnuna, 70% qalu li baqgħu b’xejn.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb organizzat mill-kunsill nazzjonali tal-ktieb se jsir online l-11 u l-15 ta’ Novembru minflok ma jsejjaħ in-nies f’dar il-Mediterran il-Belt Valletta. Dan minħabba s-sitwazzjoni tal-Covid-19 u l-pariri tal-Awtoritajiet…

Lokali

Melvin Theuma,  l-intermedjarju fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ġie rilaxxat mill-Isptar Mater Dei. Ġimagħtejn ilu huwa ddaħħal l-isptar wara li kien instab f’għadira f’demm b’feriti f’għonqu u fil-kustilji. Dan wara li…

Edukazzjoni

Bil-pjan tal-Gvern hu li f’Settembru jiftħu l-iskejjel, il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnnici qal li għaddejjin taħdidiet biex it-tagħlim tat-tfal isir mis-sena skolastika li jmiss bil-miżuri meħtieġa kontra l-imxija tal-Covid. Dr Bonnici tkellem…

Saħħa

L-operazzjonijiet se jerġgħu jibdew min-nhar it-Tnejn li ġej iżda d-direttivi tal-Outpatients se jibqgħu fis-seħħ. Dan intqal mill-MAM fi stqarrija uffiċjali wara l-aġġornament tal-aħbarijiet li ta d-Deputat Mexxej, Dr Chris Fearne…

Aktar