Lokali
2 persuni jindarbu wara li nqalbet karozza

Żewġ persuni tard ilbieraħ filgħaxija ddaħħlu għall-kura l-isptar wara li kienu involuti f’inċident tat-traffiku fi Triq l-Imġarr, fl-Imġarr.

Il-pulizija fi stqarrija qalet li l-inċident seħħ għall-ħabta tas-7pm, fejn minn stħarrig preliminari illi sar irriżulta li raġel ta’ 47 sena mir-Rabat tilef il-kontroll tal-vettura b’konsegwenza li nqalbet. Flimkien miegħu fil-vettura kien hemm mara ta’ 49 sena mill-Mellieħa.

Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet liż-żewġ persuni l-Isptar Mater Dei għall-kura fejn il-mara ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi gravi u r-raġel sofra ġrieħi ħfief.

L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadha għaddejja.