Kronaka
2 persuni jipprovaw jisirqu ħanut f’Ħal Balzan

2 persuni provaw jisirqu minn ħanut f’Ħal Balzan.  Il-każ seħħ ilbieraħ għall-ħabta tal-10pm f’ħanut fi Triq il-Wied.

Mill-investigazzjonijiet preliminari rriżulta li wieħed mill-ħaddiema, raġel mill-Pakistan ta’ 38 sena, innota persuna minn fuq is-sistema tas-CCTV tipprova tiftaħ il-kexxun tal-flus waqt li ħaddiem ieħor, Filippin ta’ 46 sena, ġie aljenat minn mara li talbitu jġibilha xi oġġetti minn fuq xi xkafef fl-għoli.

Ir-raġel ta’ 38 sena ħareġ iwaqqaf lill-ħalliel, fejn dan heddu li għandu sikkina.

Ħaddiem ieħor, Marokkin ta’ 25 sena, niżel ħdejn il-ħaddiema l-oħra wara li kien infurmat minnhom stess b’dak li kien qiegħed jiġri u kien f’dan il-mument li l-mara u r-raġel ħarbu minn fuq il-post.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.