Kronaka
2 persuni l-isptar wara li ntlaqtu minn rota li nqalgħet minn vettura

Żewġ persuni kellhom jittieħdu b’emerġenza l-Isptar Mater Dei wara li ntlaqtu minn rota li nqalat minn vettura.

L-inċident seħħ għall-ħabta tat-3.15pm fi Triq Wied il-Għajn.

Iż-żewġ persuni, żewġ nisa ta’ 17-il sena u 24 sena, u t-tnejn residenti Ħaż-Żabbar kienu ġew milquta minn rota li nqalat minn vettura tal-għamla DAF 45 li kienet qed tinstaq.

Il-vittmi ngħataw l-ewwel għajnuna minn tim mediku u ambulanza ħadithom l-isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Iktar tard, il-mara ta’ 24 sena ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi ħfief, filwaqt li t-tfajla ta’ 17-il sena ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi gravi.

Il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjoni tagħha dwar dan il-każ.