Qorti
Iwieġbu mhux ħatja li qatlu lill-immigrant f’Ħal Far

Żewġt suldati tressqu l-Qorti u wieġbu li mhumiex ħatja tal-qtil, b’mottiv razzista ta’ immigrant f’Ħal Far u bl-atttentat ta’ qtil ta’ tliet immigranti oħra. Lorin Scicluna ta’ 22 sena minn Raħal Ġdid u Francesco Fenech ta’ 21 minn Wied il-Għajn, li minħabba l-każ ġew sospiżi mill-armata, qed jinżammew arrestati fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Il-każ seħħ fil-lejl tas-6 ta’ April li nqatel kiesaħ u biered Lassana Cisse Souleymane ta’ 42 sena mill-Kosta tal-Avorju u ntlaqtu bit-tiri żewġ immigranti oħra fi Triq tal-Ġebel f’Ħal Far. Fenech u Scicluna jinsabu akkużati wkoll li fl-1 ta’ Frar tajru immigrant ieħor bil-karozza fl-istess triq.

Fl-awla tal-Maġistrat Josette Demicoli, Lorin Scicluna u Francesco Fenech semgħu l-akkużi kontrihom ewlenija fosthom tal-qtil ta’ Lassana Cisse Souleymane, immigrant mill-Kosta tal-Avorju.

Minbarra l-qtil ta’ Souleymane, Scicluna u Fenech ġew akkużati bl-attentat ta’ qtil ta’ Ibrahim Bah mill-Guinea u ta’ Mohammed Jallaw mill-Gambja, li seħħ fis-6 ta’ April. Huma jinsabu akkużati wkoll li fl-1 ta’ Frar, ippruvaw joqtlu lil May Malimi miċ-Chad, meta fl-istess triq tajruh bil-karozza u baqgħu sejrin. Huma jinsabu akkużati li wettqu dan l-attentat minħabba mibegħda razzjali.

Ġew akkużati wkoll li dakihar tad-delitt u fix-xhur ta’ qabel qalu jew kitbu kliem ta’ mibegħda razzjali. Scicluna u Fenech jinsabu mixlija wkoll li qatlu qtates u għasafar u li f’okkażjoni oħra sparaw f’post abitat. Ġew mixlija wkoll li bħala uffiċjali pubbliċi huma kellhom jaraw li dawn ir-reati ma jseħħux. Scicluna waħdu jinsab akkużat li kiser il-libertà kundizjonata mogħtija mil-Qorti fuq każ ieħor.

Il-Maġistrat Demicoli spjegat liż-żewġ żgħażagħ li l-akkużi huma serjissimi u jekk jinstabu ħatja, iġorru magħhom piena ta’ għomor il-ħabs

Fil-preżenza tal-genituri u qraba tagħhom, Scicluna u Fenech ċaħdu l-akkużi kontrihom. Scicluna deher viżibilment emozzjonat u anke deher għal xi ħin jibki, waqt li ommu, bilqiegħda warajh, ma waqfitx tibki u anke ġiet ikkunslata minn pulizija mara. Min-naħa l-oħra, Francesco Fenech ftit li xejn wera emozzjonijiet.

L-Ispetturi Keith Arnaud u Trevor Micallef spjegaw li ż-żewġ żgħażagħ ġew arrestati wara żviluppi fl-investigazzjonijiet dwar dan il-qtil. Scicluna ġie arrestat il-Ġimgħa filgħaxija waqt li kien xogħol fil-barracks tal-armata f’Ħal Safi. Is-Sibt filgħodu ġie arrestat Fenech mid-dar tiegħu f’Wied il-Għajn.

Mill-istħarriġ tal-pulizija irriżulta li ż-żewġ akkużati kienu fi Triq tal-Ġebel isuqu karozza Toyota Starlet mingħajr pjanċi tar-reġistrazzjoni u sparaw it-tiri li qatlu persuna u ferew tnejn oħra.

Għall-akkużati qed jidhru l-avukati Julian Farrugia, Kris Busietta u Giannella Demarco. Is-seduta damet madwar 20 minuta, bl-avukati ma għamlux talba għal-ħelsien mill-arrest u iż-żewġ akkużati ttieħdu bi skorta tal-pulizija lejn il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Ara wkoll:

AĠĠORNAT (3): Tnejn arrestati b’rabta mal-qtil ta’ immigrant f’Ħal Far

Aħbarijiet Oħra
Droga

L-Aġenziji li jaħdmu mal-vittmi tad-droga fosthom is-Sedqa u l-Caritas huma tal-fehma li l-użu rikreattiv tal-kannabis m’għandux ikun promoss għax ikattar il-kultura favur l-abbuż tad-droga. Din il-fehma intweriet waqt il-programm Dissett…

Partit Nazzjonalista

Il-President tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Kristy Debono qalet fi stqarrija li sabet li 84 mill-200 firma fil-petizzjoni li titlob biex jitlaqqa’ l-Kunsill Ġenerali biex jiddiskuti l-ġejjieni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista huma…

Lokali

Ta’ tnax-il sena sofriet diżabilità minħabba mard u wara ħafna snin ta’ żwieġ kellha tifel bil-kundizzjoni down syndrome. Minkejja l-isfidi, Lorraine Pellicano tgħid li Thomas berkilha ħajjitha u ħerqana li…

Lokali

Meqjusa fost l-ewwel tobba f’Malta li bdiet taħdem bla heda mal-vittmi tad-droga, ħidmet it-tabiba Maria Sciberras tfakkret f’konferenza f’għeluq il-25 sena mit-twaqqif tal-Aġenzija Sedqa u fil-jum internazzjonali kontra l-abbuż u…

Aktar