COVID-19
20 każ ġdid ta’ COVID-19 f’Malta, ifiqu 2 persuni

Telgħu għal 249 il-każi attivi ta’ Coronavirus f’Malta. Fl-aħħar sigħat fiequ żewġ persuni oħra, kienu rappurtati 20 każ ġdid, waqt li 16-il immigrant mill-aħħar grupp li ddaħħal Malta wkoll irriżultaw pożittivi għall-virus. Intant, statistika tal-Ministeru tas-Saħħa turi li inqas minn persuna għal kull 10 li rriżultaw pożittivi għall-Coronavirus fl-aħħar ġimgħat iddaħħlu l-isptar u ħadd minnhom mhu fit-taqsima tal-kura intensiva. Intant f’avviż legali ippubblikat mill-Gvern, tħabbar li l-organizzaturi tal-attivitajiet li jinqabdu jiksru r-regoli tal-miżuri mħabbra mill-Awtoritajiet tas-Saħħa biex iwaqqfu l-imxija tal-Covid-19 jistgħu jeħlu multa ta’ €3,000 għal kull miżura li jiksru.

OFFICIAL COVID-19 figures for 05•08•2020Chris Fearne | MaltaGov | Health Promotion and Disease Prevention Directorate

Gepostet von saħħa am Mittwoch, 5. August 2020

Fl-aħħar 24 siegħa sa nofsinhar tal-Erbgħa kien hemm 20 każ ġdid tal-Covid f’Malta minn 1,839 swab test fl-aħħar 24 siegħa. Minnhom, 5 huma minn cluster ta’ Paceville, erbgħa minn każi ta’ gruppi ta’ nies li ġew infettati bil-Covid fl-aħħar ġimgħat, waqt li 11 huma każi sporadiċi. Sostnew ukoll li l-maġġoranza tal-każi sporadiċi ma kellhomx kuntatt ma’ nies meta ħarġilhom is-sintomi.

Barra minn hekk jirriżultaw 16-il immigrant iehor pożittivi għall-virus; li 3 minnhom mit-78 li ddaħħlu Malta nhar it-Tlieta u 13-il immigrant ieħor minn wasliet li seħħew fil-ġranet ta’ qabel. Mill-bulettin mediku joħroġ li kien hemm żewġ persuni li fiequ mill-virus, biex b’hekk l-ammont ta’ każi attivi issa huwa ta’ 249.

Statistika tal-Ministeru tas-Saħħa turi li fl-Isptar Mater Dei bhalissa hemm 3 pazjenti biss li qed jingħataw kura għall-Covid u ħadd minnhom mhu fit-taqsima tal-kura intensiva. Sal-bidu ta’ din il-ġimgħa, kien hemm 9 pazjenti li jinsabu fl-Isptar Boffa u 4 fl-Isptar St Thomas. Kważi nofs il-każi attivi, jigifieri 95, qed jinżammu iżolati fi djarhom, filwaqt li 87 immigrant li rriżultaw pożittivi għall-virus il-ġimgħa l-ohra qed jinżammu f’izolament fiċ-ċentru ta’ Ħal Far.

Mill-każi attivi sa kmieni din il-ġimgħa, 5 huma tfal ta’ bejn il-ħamsa u l-erbatax-il sena; il-maġġoranza, 74, għandhom bejn 15 u 34 sena, u 10 għandhom bejn 55 u 84 sena.

Intant f’avviż legali ippubblikat mill-Gvern, tħabbar li l-organizzaturi tal-attivitajiet li jinqabdu jiksru r-regoli tal-miżuri mħabbra mill-Awtoritajiet tas-Saħħa biex iwaqqfu l-imxija tal-Covid-19 jistgħu jeħlu multa ta’ €3,000 għal kull miżura li jiksru.

Fl-avviż legali ġie spjegat li kull avveniment pubbliku tal-massa għandu jżomm ma’ regolamenti li tħabbru l-ġimgħa l-oħra, fosthom persuna waħda għal kull erba’ metri kwadri fl-ispazju fejn isir avveniment pubbliku tal-massa; u gruppi ma jistgħux ikunu mhux aktar minn 10 persuni.

Ara wkoll:

16 mill-immigranti li ddaħħlu f’Malta lbieraħ pożittivi għall-Covid-19

Aħbarijiet Oħra

Il-Ministeru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, permezz tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impjiegi, bħalissa għaddej b’sejħa ta’ reklutaġġ ghal Compliance Officers ġodda, dan bil-għan li d-Dipartiment isaħħaħ l-infurzar sabiex dejjem aktar nassiguraw li…

Ħamsin sena ilu Villa Bighi ntużat għall-aħħar darba bħala sptar, wara 167 sena ta’ servizz kontinwu. Wirja permanenti fiċ-ċentru interattiv għax-xjenza l-Esplora tikkomemora l-perjodu meta l-binja kienet isservi bħala l-isptar…

Aktar