Lokali
20 sena mit-traġedja fiċ-Ċirkewwa – ħaddiem miet meta prova jsalva lil sħabu

Xogħol grupp ta’ ħaddiema ta’ entità governattiva hu f’ambjent mistkerraħ minn ħafna . . . taħt l-art . . . fis-sistemi minn fejn jgħaddi d-drenaġġ tar-residenzi u l-industrija. Dan l-ambjent joffri bosta sfidi minħabba gassijiet li huma perikolużi għall-bniedem. Għoxrin sena wara l-mewt ta’ tliet ħaddiema fiċ-Ċirkewwa, stħarriġ li għamel Television Malta sab li s-sitwazzjoni hi differenti għal kollox minn kif kienet dak iż-żmien, bil-lezzjoni kienet ittieħdet f’qasir żmien u sal-lum is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema tingħata l-ogħla priorità.

Għoxrin sena ilu bil-ġurnata Frans Ciappara kien imsiefer. Irċieva telefonata biex jiġi Malta malajr, għax qalulu li ommu ma tantx kienet tajba. Din kienet skuża għax x’ġara eżatt sar jaf fl-ajruport.

Ħu Frans, Carmel, kien wieħed minn tliet ħaddiema tad-Dipartiment tad-Drenaġġ li mietu fis-27 ta’ Jannar tas-sena 2000 fiċ-Ċirkewwa. F’dik it-traġedja mietu wkoll: Joe Vella Parnis u Charles Camenzuli li kienu niżlu f’fossa jagħmlu manutenzjoni f’valve. Frans irrakkonta li ħuh miet ta’ eroj meta niżel ħdejn sħabu, f’attentat biex isalvahom.

“Dawn kienu niżlu tnejn minn sħabu f’din il-fossa u ma telgħux. Hu niżel darba, niżel it-tieni darba u meta niżel it-tielet darba hemmhekk miet għax kienu telghin xi fumes velenużi u t-traġedja kienet dik. Għalhekk mietu.”

Piż kbir għall-mewt tat-tliet ħaddiema ngħata fuq il-fatt li ma kellhomx apparat adegwat biex jaħdmu. Minn dak iż-żmien, il-ħaddiema tad-drenaġġ għaddew mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Il-kap tal-operat l-Inġinier Stefan Riolo saħaq li l-korporazzjoni tagħti priorità lis-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema.

“Kien hemm progress kbir minn 20 sena ilu ‘l hawn. Is-safety hi xi ħaġa importanti ħafna. Primarjament kien hemm tibdil kbir fit-teknoloġija u anke fil-proċeduri.”

Television Malta segwa ħaddiema fil-lant tax-xogħol f’Għawdex. Il-Manager tal-Operat, Brian Borg, spjega li qabel xoghlijiet taħt l-art issir analiżi tar-riskji b’rakkomandazzjonijiet dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu.

“Qabel ma jinżlu n-nies f’confined space, eżempju mina li f’Għawdex għandna waħda 45 metru fonda, isir ukoll dak li ngħidulu confined space & entry work permit. Dan il-permit jimmoniterja l-arja li tiġi kalkulata b’gas detectors kull tant ħin.”

La darba jkun aċċertat li l-arja hi tajba, il-ħaddiema jinżlu b’ilbies protettiv u b’tagħmir simili ħafna għall-bugħaddasa. “Ikollok ċilindru, maskra full face, ikollok ossiġnu, biex jekk inti qiegħed f’area li hi perikoluża inti qed tieħu arja li hi safe.”

F’każ ta’ periklu, l-allarm jingħata minn detector li jkollu kull ħaddiem.

“Jissensja ħames gassijiet u jekk dawn il-gassijiet ivarjaw, ikunu ta’ periklu għall-bniedem, jagħti alarm biex jagħti ċans lil dik il-persuna toħroġ minn dak il-post li tkun qiegħda fih.”

Lura l-bażi, l-apparat jitnaddaf u jiġi ttestjat. Il-Manager tal-Operat appella biex fis-sistemi tad-drenaġġ jintefa’ biss dak li hu permess. “Biex kemm jista’ jkun dawn in-nies li diġà jaħdmu f’post perikoluż, il-periklu tagħhom ma jiżdiedx.”

Brian Borg spjega li l-koporazzjoni torganizza korsijiet għal dawn il-ħaddiema u jingħataw tilqim kontra mard li jista jirrizulta f’dawn l-ambjenti.

Il-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma għamlet ftehim mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex dawn jagħtu taħriġ kontinwu lil ħaddiema tal-korporazzjoni li jaħdmu f’dawn l-ambjenti ta’ periklu u anke qed jiġi utilizzat l-istess tip ta’ apparat biex f’każ ta’ emerġenza dawn ikunu jistgħu jassisstu lin-nies b’aktar effiċjenza.

Aħbarijiet Oħra
Ambjent

Il-Wasteserv bdiet il-proċess biex tkabbar il-faċilitajiet tagħha fil-Magħtab. Madwar għoxrin bidwi fl-inħawi li bejniethom għandhom madwar 250,000 metru kwadru ta’ raba’ ġew infurmati li l-Wasteserv qed tikkunsidra li tespropja din…

Kronaka

Raġel ta’ nazzjonalità barranija ġie arrestat wara li allegatament saq fuq uffiċjal tal-pulizija. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-17:30 fl-akkwati ta’ Buġibba u ġie arrestat ftit tal-ħin wara fil-Mellieħa. Aktar dettalji fil-ħin…

Lokali

Il-kumpanija Steward Health Care Malta ppreżentat lill-Awtorita tal-Ippjanar applikazzjoni ta’ żvilupp għall-Isptar San Luqa biex fi kliemha jerġa’ jingħata l-ħajja bħala sptar modern li jinkludi aċċessibiltà aħjar għall-ispazji miftuħin u…

Għawdex

Għadha attiva ħafna fuq l-aġenda tal-gvern l-idea li Malta jkollha sistema ta’ metro, tant li l-Ministru Ian Borg ikkonferma ma’ TVM li l-istudju dwar dan jinsab fl-aħħar fażi tiegħu u…

Aktar