20 xahar ħabs oħra għal priġunier li ħeba d-droga f’muturi tal-‘Playmobil’

Raġel li qed jiskonta piena ta’ 22 sena ħabs fuq qtil, illum ingħata sentenza ta’ 20 xahar ħabs oħra wara li nstab ħati li kellu fil-pussess tiegħu pakketti tal-kokaina u kannabis fiċ-ċella tiegħu.

Dawn instabu waqt raid li sar f’Settembru 2005.

Mario Pollacco ta’ 50 sena li kien qatel lill-ġarr tiegħu fl-1998, ammetta li d-drogi li nstabu fil-pussess tiegħu kienu ta’ priġunier ieħor li ma semmiex ismu għax qal li kien qed jibżà.

Il-Qorti semgħet kif id-droga nstabet imkebba f”tape’ iswed moħbi f’muturi tal-‘Playmobil’ f’basket tal-plastik fiċ-ċella tiegħu f”Division 11.

B’kollox instabu disa’ pakketti bil-Maġistrat Natasha Galea Sciberras tikkonkludi li d-droga nstabet fil-pussess tiegħu u kien ċar li ma kinetx għall-użu esklussiv tiegħu.

Minbarra kundanna ta’ 20 xahar ħabs, hija mmultatu wkoll €900 u ordnatlu jħallas €800 fi spejjeż tal-Qorti.