COVID-19
200 maskra protettiva għal Dar Merħba Bik

Il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza, u l-Governanza Edward Zammit Lewis qassam 200 maskla protettiva lil Dar Merħba Bik f’Ħal Balzan f’turija ta’ apprezzament għax-xogħol siewi li jsir f’din id-dar u djar oħra bħalha.

Fi stqarrija l-Ministru Zammit Lewis sejjaħ il-vjolenza domestika bħala pjaga soċjali li jeħtieġ li tiġi eliminata speċjalment f’dan il-perjodu tal-pandemija meta l-vjolenza domestika hemm aktar ċans li tkompli tgħolli rasha.

Dar Merħba Bik hija post li jistgħu jirrikorru għalih vittmi tal-vjolenza domestika, meta dawn ma jħossuhomx siguri f’darhom. Minbarra li toffri post fejn jgħixu dawn in-nisa abbużati, toffri servizzi ta’ counselling, u mbagħad tgħinhom jerġgħu jirritornaw lura fis-soċjetà, anke billi ssibilhom akkomodazzjoni alternattiva.

Fil-ġranet li għaddew issaħħaħ ukoll servizz ta’ għajnuna legali professjonali mingħajr ħlas, 24 siegħa kuljum u din is-sena żdied il-budget tal-Kummissjoni għall-Vjolenza Domestika u l-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru, b’aktar minn 70%.