Tibdil fir-rotta tal-linja għal Ħad-Dingli

Malta Public Transport ħabbret tibdiliet fir-rotta 202 li tgħaddi minn Ħad-Dingli.

It-trasport pubbliku li jgħaddi minn din ir-rotta minn nhar it-Tnejn 8 ta’ Settembru, se jibda jgħaddi minn Triq l-Imnarja huwa u sejjer lejn Ħad-Dingli mill-Park and Ride ta’ Pembroke.

B’hekk mhux se jgħaddi aktar minn parti ta’ Triq il-Buskett.

Fi stqarrija ntqal li dan it-tibdil sar minħabbar sigurtà għax ir-rotta kif inhi tfisser li l-karozzi tal-linja qed jgħaddu kontra t-traffiku minn naħa t’isfel ta’ Triq il-Buskett u dan qed ikun ta’ riskju għall-passiġġieri, għall-impjegati ta’ Malta Public Transport u għas-sewwieqa li jkunu għaddejjin minn Triq il-Buskett.

Intqal li r-rotta qed toħloq ukoll konġestjoni tat-traffiku. Bit-tibdil il-karozzi tal-linja se jgħaddu mir-rotta normali sakemm jaslu fil-parti tat-triq bejn Triq il-Buskett u Triq l-Imnarja u jkomplu għaddejjin mad-direzzjoni tat-traffiku lejn ir-Rabat.

L-istqarrija ttemm tgħid li dawk il-passiġġieri li jridu jmorru Triq il-Buskett iridu jinżlu f’wieħed mill-bus stops bejn iż-żewġ toroq.

It-tibdil mhux se jaffetwaw il-ħinijiet tal-linja.