203 tifel u tifla jgħixu fi djar residenzjali tat-tfal

Il-Progress li esperjenza pajjiżna jieħu diversi forom, fost oħrajn jidher bil-mod kif il-faqar qiegħed jiġi kkontrollat aħjar. F’dan l-isfond wieħed isaqsi għal liema raġuni għad hawn il-bżonn li ammont sostanzjali ta’ tfal jittieħdu fid-djar residenzjali apposta għalihom? Popolin iddiskuta.

Remenda Grech, Alternative Care Director spjegat li dawn id-djar huma ta’ bżonn għas-soċjetà għaliex f’ħafna każijiet it-tfal li jiddaħħlu fihom ma jidħlux minħabba raġunijiet ta’ faqar imma minħabba ċirkostanzi ta’ abbuż. Hija saħqet li sar progress kbir f’dan il-qasam u żdied mhux ftit l-għarfien fuq il-prevenzjoni ta’ dawn is-sitwazzjonijiet biss sfortunatament din ir-realtà għadha teżisti u għalhekk servizzi soċjali bħal ma joffru dawn id-djar se jibqgħu fundamentali għas-soċjetà għaliex għandhom l-għan ewlieni li jipproteġu l-interessi tal-istess tfal. Żiedet tgħid li l-awtoritajiet jagħmlu minn kollox biex it-tfal jibqgħu mal-familjari jew jiddaħħlu ġo sistema ta’ foster care biss ikun hemm każijiet fejn dan ma jkunx possibbli għaliex it-tfal ikunu għaddew minn trawma estensiva li jwassal li ambjent ta’ familja ma jkunx ideali għalihom. Għalhekk ma jibqax għażla oħra ħlief li jiddaħħlu ġo dawn id-djar tat-tfal.

Ġie spjegat li ma hemmx profil speċifiku tat-tfal li jiddaħħlu f’dawn ir-residenzi. Ħafna jassoċjaw dawn it-tfal ma’ familji b’diffikultajiet finanzjarji, biss Grech spjegat li mhux il-każ. Fix-xogħol tagħha ltaqgħet ma’ diversi każijiet fejn għalkemm il-familja kienet waħda finanzjarjament stabbli u ta’ ċertu portata fis-soċjetà xorta kien hemm sitwazzjonijiet fejn il-familjari sabuha diffiċli ħafna biex joħolqu xi tip ta’ rabta ma’ uliedhom. Hija saħqet li l-awtoritajiet kollha fosthom is-settur mediku, l-għajnuna soċjali u l-edukazzjoni għandhom ikunu flessibbli u dejjem jaħdmu flimkien, id f’id biex l-interessi tat-tfal jiġu salvagwardati.

Mistoqsi mill-preżentatur kemm hemm tfal li fil-mument qegħdin jgħixu l-bogħod mill-familja, Grech spjegat li bejn wieħed u ieħor hemm 450 tifel u tifla li qegħdin jgħixu l-bogħod mill-familji tagħhom dawn jinkludu tfal li qegħdin jgħixu ma’ qraba oħra jew li qegħdin f’foster homes. Tfal li fil-mument qegħdin jgħixu fid-djar residenzjali hemm 203. Hija stqarret li din is-sena kienet l-ewwel sena fejn hemm iktar tfal li qegħdin jgħixu ma’ qraba u foster homes milli fi djar residenzjali. “Din is-sena rnexxielna ndawru t-trend. Fil-mument hawn bejn wieħed u ieħor ħmistax-il dar residenzjali, n-numru jvarja skond il-bżonnijiet tat-tfal għaliex is-sistema taddatta skond il-ħtiġijiet tagħhom u mhux it-tfal jaddattaw għaliha”.