Immigrazzjoni
21 organizzazzjoni volontarja jisħqu li l-immigranti għandhom ikunu trattati b’dinjità

L-għada li aktar minn 100 immigrant instabu jgħixu f’kundizzjonijiet inumani f’razzett tal-baqar f’Ħal Qormi, 21 organizzazzjoni volontarja waqt li stqarrew l-għadab tagħhom għall-isfruttament tal-immigranti, saħqu li s-soċjetà Maltija trid tapprezza li l-immigranti qed isostnu t-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż u għalhekk insistew li għandhom ikunu trattati bid-dinjità.

L-għaqdiet ilmentaw li l-faxxa t’isfel kemm tal-Maltin kif ukoll tal-immigranti qed iħabbtu wiċċhom ma’ sitwazzjoni li ma jifilħux għal kirjiet. Żiedu jgħidu li l-immigranti Afrikani minbarra l-isfruttament u r-razziżmu huma l-iktar li qed jitgħaksu. Qalu li dan huwa inaċċettabbli. L-għaqdiet qalu li mhux sew lanqas li l-immigranti ġew żgumbrati mir-razzett fejn kien qed jgħixu mingħajr ma ngħataw post alternattiv fejn imiddu rashom. Qalu li l-Gvern għandu r-responsabiltà legali u morali li jara d-dinjità tal-ħaddiema u ma jħallix aktar is-suq tal-kera jispiċċa bħal-liġi tal-ġungla. Huma ħeġġew lill-Gvern biex iwettaq ir-riforma tant mistennija fis-suq tal-kera.

Ara wkoll:

F’Ħal Qormi: Flok baqar isibu aktar minn 100 immigrant