23 miljun ruħ fis-sena jimirdu minħabba ikel kontaminat

L-Għaqda dinjija għas-saħħa tindika li bejn wieħed u ieħor erbgħa u erbgħin persuna kull minuta jkunu ma jifilħux minħabba ikel kontaminat. Dan ifisser tlieta u għoxrin miljun ruħ fis-sena. L-istess għaqda tistma li erbat elef u seba’ mitt persuna jmutu kull sena minħabba avvelenament tal-ikel. Fl-2018, ġew rapportati mas-sitt mitt każ ta’ mard kawża ta’ avvelenament jew kontaminazzjoni fl-ikel.

Huwa mifhum lis-sintomi ta’ mard relatat ma’ kontaminazzjoni fl-ikel ifeġġ bejn tnax u tnejn u sebgħin siegħa wara li l-persuna jiġi kontaminat. Fil-maġġor parti tal-każijiet din it-tip ta’ kontaminazzjoni ddum tkaxkar biha minn erbgħa sa sebat ijiem.

Clive Tonna, direttur fi ħdan id-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali spjega li mhux it-tiġieġ, id-dundjan u l-bajd biss jista’ jwassal għall-kontaminazzjoni. Qal li kull forma ta’ ikel nej għandu jitqies bħala kontaminat, għalhekk irid jiġi ttrattat b’attenzjoni. Tenna li meta jiżdiedu konsiderevolment l-każijiet ta’ kontaminazzjoni bl-ikel ġeneralment ikunu marbuta ma’ stabbiliment jew avveniment bl-ikel. Tonna tkellem fuq il-fatt lid-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali tagħmel diversi spezzjonijiet fuq stabbilimenti fejn jiġi servut l-ikel biex jiġi żgurat li l-ikel qiegħed jiġi trattat u proċessat skond ir-regolamenti stabbiliti. Tenna li matul iż-żmien sar avvanz kbir minn naħa tal-istabbilimenti tal-ikel, illum il-ġurnata ftit huma l-każijiet fejn ristoranti jingħalqu minħabba raġuni ta’ indafa jew sanità. Fil-fatt fis-sena 2019 kienu biss ħames stabbilimenti li ġew magħluqa.  Ir-raġunijiet jistgħu ikunu varji fosthom; nuqqas kbir ta’ iġjene, infestazzjoni ta’ pesti fosthom ġrieden jew wirdien jew każijiet fejn jiġu nnotati nuqqasijiet kbar.

Ġie spjegat li prodotti importati wkoll jgħaddu minn testijiet rigorużi fl-istat minn fejn ġew prodotti. Biss minn naħa tad-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali f’Malta jsir ‘sampling plan’ fejn numru ta’ prodotti jiġu ċċekkjati biex ikun żgurat li għandhom ir-rekwiżiti neċessarji. Tonna qal li minn żmien għal żmien instabu prodotti li ma setgħux jiġu konsmati mill-konsumaturi, għalhekk dejjem tinħareġ stqarrija pubblika sabiex il-poplu jkun mgħarraf li m’għandux jikkonsma t-tali prodott.

L-importaturi għandhom l-obbligu li jikkunsidraw tajjeb il-livell ta’ standard tal-pajjiż minn fejn ġejjin il-prodotti. F’każ li prodott ikollu jinġabar id-Direttorat jitlob lista dettaljata ta’ fejn ġie mqassam il-prodott biex isir proċess ta’ ‘cross-checking’. Hemm ukoll terminu ta’ żmien sa meta il-prodott irid jinġabar, dan sabiex jitneħħa mis-suq mill-aktar fis possibbli.