Lokali
24 omm mgħejjuna sabiex ma jagħmlux l-abort

Il-Life Network Foundation għenet biex fl-aħħar sena u nofs twieldu 24 tarbija li mingħajr l-għajnuna tagħha jista’ jkun li l-ommijiet kienu se jagħmlu abort. Fid-dar Tgħannieqa t’Omm, il-Fondazzjoni tgħin lit-tfajliet li jkunu għaddejjin minn diffikultajiet kbar fit-tqala bl-għan li jagħżlu l-ħajja u ma jagħmlux abort. Il-Gvern ta donazzjoni ta’ €130,000  lil din id-dar għat-tliet snin li ġejjin.

Matul l-aħħar sena u nofs, 24 tarbija twieldet bis-saħħa tal-għajnuna li l-Life Network Foundation tat lill-ommijiet li kienu għaddejjin minn diffikultajiet u li kienu qed jaħsbu biex jagħmlu abort.

Dan wara li l-Fondazzjoni fetħet id-Dar Tgħannieqa t’Omm minn fejn tipprovdi s-servizzi tagħha. Iċ-Chairperson tal-Life Network Foundation, Dr Miriam Sciberras, qalet li minbarra li ngħatat għajnuna lil 5 tfajliet li għexu hemm u kellhom it-trabi, il-Fondazzjoni tgħin ukoll lin-nisa li jkunu għaddejjin minn kriżi fit-tqala b’servizzi ta’ appoġġ.

“Aħna ma ngħinnux biss in-nisa ġo din id-dar imma anke permezz tal-lifeline tagħna ngħinnu lil kull mara li tkun għaddejja minn kriżi ta’ tqala, li jkollha dijanjosi negattiva fit-tqala u tkun tixtieq min jagħmel din il-mixja magħha, u ngħinnu wkoll nisa li sfortunatament ikunu għamlu abort u jkunu jixtiequ jirkupraw mit-trawma tal-abort. Dan l-aħħar kellna ħafna calls ovvjament anke f’din il-kriżi tal-covid kien hawn iktar paniku għaliex anke tfajliet barranin xtaqu l-għajnuna. Nixtieq ngħid li l-istorja tagħna hija storja sabiħa ħafna għaliex fil-maġġoranza assoluta tagħhom għażlu t-tarbija tagħhom.

Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, Michael Falzon, qal li l-Gvern qed jagħti għotja ta’ €130,000 għat-tliet snin li ġejjin lid-Dar Tgħannieqa t’Omm biex tkompli bis-servizzi li qed taghti. Spjega li dan hu wieħed minn 48 ftehim socjali li l-Gvern għamel f’dan il-qasam u li b’kollox ammontaw għal €17-il miljun.

“Hu dover tagħna li ngħinnu lil kulħadd fis-soċjetà. Hu xi ħaġa li nieħdu pjaċir nagħmluha. L-għan tagħna fl-aħħar mill-aħħar hu li nagħmlu tibdil għall-aħjar fis-soċjetà tagħna u nemmnu li għaqda bħal din hi għaqda li għandha importanza tagħha u jistħoqqilha għajnuna tal-istat.”

Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur, Deo Debattista qal li minn omm sa żewġ ommijiet fil-ġimgħa jsiefru biex jagħmlu l-abort. Qal li waqt li hu ma jiġġudika lil ħadd, hu favur il-ħajja u għalhekk sostna li djar bħal dawn li jsalvaw ħajjiet huma kisba kbira.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Mistoqsija dwar jekk trabi għandhomx jitlibbsu maskri, Prof Gauci qalet li tfal taħt 3 snin m’għandhomx jitlibbsu l-maskra għax din tista’ tkun ta’ periklu għalihom. Dan qalitu meta kienet qed…

COVID-19

Il-Partit Nazzjonalista qal li jinsab infurmat li l-kumpanija Gozo Channel għad m’għandhiex sistema adegwata biex tara li fuq il-vapuri u fit-terminals, il-passiġġieri josservaw il-miżuri ta’ prevenzjoni mill-COVID-19 li ħabbar il-Gvern…

Kultura

Minn issa ‘l quddiem waħda mill-isbaħ xeni tal-Port il-Kbir tista’ titgawda minn fuq il-bejt ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, fil-Belt. Dan hekk kif fi tmiem il-ġimgħa saret l-inawgurazzjoni ta’ dan il-proġett…

COVID-19

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, qalet li minn meta daħal fis-seħħ l-avviż legali l-ġimgħa li għaddiet, diġà nħarġu ħames multi ta’ €3,000 ‘l waħda għal organizzaturi ta’ attivitajiet, restoranti…

Aktar