Inklużjoni
25 kunsill lokali jieħdu bejniethom €1.3 miljun biex itejbu l-aċċessibilità

Diversi Kunsill Lokali se jkunu qed jimplimentaw proġetti bil-għan li jtejbu l-aċċessibilità u l-mobilità fil-komunitajiet tagħhom permezz ta’ għotja finanzjarja mill-Gvern.

Servizz għat-trasport għall-anzjani, gyms pubbliċi, tisbiħ ġenerali u saħansitra bini ta’ ċentru ċiviku. Dawn huwa wħud mill-proġetti li se jkunu qed jidħlu għalihom 25 Kunsill Lokali li bejniethom se jkunu qed jirċievu €1.3 miljun mingħand il-Gvern f’għajnuna finanzjarja li jridu jużaw biex itejbu l-aċċessibilità u l-mobilità.

F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Josè Herrera qal li din l-iskema għandha skop wiesgħa u ħalliet f’idejn il-Kunsilli Lokali biex jattwaw il-proġetti meħtieġa. Ma’ Television Malta l-Ministru qal li bi skemi bħal dawn il-Kunsilli Lokali qed jingħataw ċertu awtonomija fid-deċiżjonijiet u l-proġetti li jattwaw.

“L-awtonomija tfisser sussidjarjità kwalifikata, li jagħtu l-opinjoni tagħhom, jekk nimxu b’dan il-mod il-Kunsilli jħossuhom aktar emanċipati. Fi skemi bħal dan ma tistax tkun ristressiv iżżejjed, m’għandux ikun jien li niddeċiedi eżatt kif ikunu l-proġetti.”

Huwa wera l-fehma li l-kunsilli lokali għandhom dejjem ikunu viċin in-nies u għalhekk biex jilħqu dan l-għan għandhom ikunu aċċessibbli għal kulħadd, b’mod speċjali għal dawk bi problemi ta’ mobilità.