Lokali
250 persuna jirreġistraw bħala donaturi tal-organi

Kampanja ta’ ftit jiem organizzata mill-Malta Music Awards b’kollaborazzjoni tal-istazzjon tal-PBS, Magic Malta, waslet biex 250 persuna daħlu fir-reġistru tad-donaturi tal-organi biex wara mewthom l-organi tagħhom jkunu jistgħu jingħataw għal trapjanti. F’ċerimonja li mmarkat din il-kampanja, kienu preżenti wħud mill-persuni li fl-aħħar snin gawdew mid-donazzjoni tal-organi.

TVM tkellem ma’ Rita Arnaud u Daniela Dalli li għaddew minn trapjanti tal-kliewi u m’għandhomx kliem biżżejjed biex jirringrazzjaw lid-donaturi li tawhom ħajja ġdida.

Ta’ tmien snin, Daniela Dalli kellha d-dijabete. Wara snin, il-marda qerdulha l-kliewi u spiċċat tagħmel id-dijalisi għal ħames snin.

“Tbatija enormi – tieqaf mis-socializing, ma tkunx tista’ tixrob għax tkun żidt fl-ilma u ma tbattlux, allura inti tiġi hawn l-isptar, ineħħulek il-veleni ta’ ġismek, ibattlulek kollox – veru kiefra – wara erba’ sigħat tbiddel id-demm”.

Daniela qalet li fil-Milied ta’ erba’ snin ilu rċeviet telefonata li nstabitilha kilwa kompatibbli magħha.

“Terġa’ tiġi fuq saqajk litterlament, ma tkunx muġugħa, ma tiġix hawnhekk tliet darbiet fil-ġimgħa, erba’ sigħat kull darba. Ma tkunx tista’ tkompli mal-ħajja, iebsa mmens, speċjalment tkun żgħir tkun għadek taħdem.”

Xahrejn wara t-trapjant tal-kilwa, Rita Arnaud m’għandhiex kliem biżżejjed biex tirringrazzja lid-donaturi tal-organi li bis-saħħa tagħhom tħossha twieldet mill-ġdid.

“Anke timxi, qabel kont ngħajja nimxi naqra, qabel ma kontx nista’ nixrob, issa rrid nixrob ħafna iktar – ikel ma kontx nista’ niekol ċerti affarjiet – issa nista’ – mhux li tista’ tiekol kollox – xorta trid toqgħod attenta imma ħafna aħjar milli kont.”

L-istazzjon tal-PBS, Magic Malta, il-kollaboratur ewlieni fl-organizzazzjoni tal-Malta Music Awards, fl-aħħar jiem nieda kampanja biex aktar nies jinkitbu bħala donaturi tal-organi. Carlo Borg Bonaci mill-Magic Malta qal li fi ftit jiem gew registrati 250 donatur – għaxar donatur għal kull sena li ilhom jiġu organizzati l-Malta Music Awards.

“Aħna qed nimmotivaw lill-artisti biex ikunu huma bħala eżempju għal ħafna Maltin u Għawdxin u ltqajna ma’ ħafna okkażjonijiet fejn għamilthuhielna sempliċi, dejjem nisimgħu bil-kampanja, iżda dak il-pass ma nagħmluhx u aħna nħeġġu lil Maltin u l-Għawdxin biex jagħmlu bħall-oħrajn.”

Carlo Borg Bonaci qal li Magic Malta ser ikompli bil-kampanja tul is-sena kollha. Il-lista tad-donaturi l-ġodda ġiet ippreżentata lid-deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne. Il-Ministru Fearne qal li inizjattivi bħal dawn iħeġġu aktar entitajiet biex jorganizzaw attivitajiet simili li jqajmu kuxjenza dwar il-ħtieġa ta’ aktar donaturi. Innota li fi tliet snin mindu tnieda r-reġistru tad-donaturi tal-organi, kważi 25,000 persuna rreġistraw x-xewqa tagħhom li jagħtu l-organi għat-trapjanti wara mewthom.

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Ingliż ta’ 56 sena jinsab fil-periklu tal-mewt wara inċident fil-Gżira. L-inċident seħħ għall-ħabta tal-għaxra ta’ filgħodu, meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fl-inħawi magħrufa bħala Manoel Island,…

COVID-19

Il-linja tal-ajru Ryanair qalet fi stqarrija li hekk kif il-maġġoranza tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea waqqfu t-titjiriet minn u lejn pajjiżhom, dan wassal biex iktar minn 90% tal-ajruplani tagħha mhumiex jintużaw. Qalet…

COVID-19

Inġiniera mill-Università ta’ Malta qed jibnu apparat li jiddiżinfetta l-maskli, bil-għan li dawn ma jintużawx darba biss u jintremew. Qalet dan fi stqarrija l-Università ta’ Malta, li saħqet li dan…

COVID-19

HSBC Bank Malta nieda serje ta’ miżuri addizzjonali biex dejjem aktar jappoġġja lin-negozji milquta b’mod negattiv mit-tixrid tal-Covid-19.  Dawn il-miżuri ġodda tfasslu speċifikament għal dawk il-klijenti li qegħdin jiffaċċjaw tfixkil…

Aktar