Ambjent
250,000 metru kwadru ta’ art agrikola fil-Magħtab se jkollha tagħmel wisa’ għall-iskart

Il-Wasteserv bdiet il-proċess biex tkabbar il-faċilitajiet tagħha fil-Magħtab. Madwar għoxrin bidwi fl-inħawi li bejniethom għandhom madwar 250,000 metru kwadru ta’ raba’ ġew infurmati li l-Wasteserv qed tikkunsidra li tespropja din l-art għall-faċilitajiet tagħha. Wieħed mill-bdiewa li tkellem ma’ Television Malta esprima r-rabja tal-bdiewa li ser jitilfu l-art agrikola li jaħdmu.

Il-Ministru għall-Ambjent u l-Ippjanar Aaron Farrugia qal lil Television Malta li dan l-ispazju huwa meħtieġ għal numru ta’ impjanti bħal inċineratur u għas-separazzjoni tal-iskart, filwaqt li sittin fil-mija minnu ser jintuża għall-engineered landfil ġdida.

Il-Ministru għall-Ambjent u l-Ippjanar Aaron Farrugia qal li minħabba li l-inċineratur mistenni jieħu seba’ snin biex jitlesta, il-Wasteserv ser ikollha ssib aktar spazju biex tkun tista’ twettaq il-pjan tagħha għall-immanniġġjar u t-trattament tal-iskart.

“Il-pajjiż għandu miri ċari fejn jidħol riċiklaġġ, biex dawn il-miri jintlaħħqu, hemm bżonn numru ta’ impjanti, illi l-pajjiż ikollu, biex l-impjant jitratta pereżempju hazardous waste, biex ikollna impjant ta’ waste to energy, biex inkomnplu nisseparaw l-iskart u dak imbagħad nipproċesawh. Kien għalhekk li l-pajjiż kellu bżonn aktar spazzju biex dan isir.”

Dr Farrugia spjega li mill-art fil-Maghtab li l-Wasteserv tefgħet għajnejha fuqha, 145,000 metru kwadru ser jintużaw għall-mizbla ikkontrollata, filwaqt li ftit aktar minn mitt elf metru kwadru ser isiru impjanti għall-immanniġġjar tal-iskart fosthom l-inċineratur.

“Hemmhekk ukoll mixjin, qed nitkellmu ma’ diversi persuni biex naraw l-aqwa mudell finanzjarju għalih.”

Chalie Sciberras li ilu 40 sena jaħdem l-għelieqi fil-Magħtab, huwa fost l-għoxrin bidwi li rċieva nnotifika tal-wasteserv għall-esproprijazzjoni. Inkwietat u ħosbien ilmenta li mhux hekk kien imwiegħda mill-Ministru Herrera.

“Is-sur Herrera kien qalilna li hemmhekk mhux ser tintmiss karretta ħamrija oħra. X’ġara issa? Hawn mhux biżżejed sar iżżejjed sar issa fl-aħħar erbgħin sena. Din hija id-daqqa tal-mewt tagħna.”

Mill-banda l-oħra, il-Wasteserv tgħid li l-espansjoni hija meħtieġa għaliex l-ispazju għar-rimi tal-iskart li għandha ma jservix għal aktar minn sentejn.

Aħbarijiet Oħra
Politika

Stennija għal direzzjoni mill-President ta’ Malta George Vella dwar il-kariga tal-Kap tal-Oppożizzjoni skont kif inhu ggwidat mill-kostituzzjoni. Fl-aħħar jumejn, il-President Vella iltaqa’ mad-deputati eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista biex jara kif ser…

Ikel

Is-sħana qed tagħmel tagħha u ġelat jinżillek għasel. Iżda id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali fi ħdan is-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika qed jinforma lill-pubbliku sabiex ma jikkonsmax il-ġelat tad-ditta Smiles li jinbiegħ f’volumi ta’ żewġ litri.  Smiles informat lid-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali li…

Mużika

Il-prekawzjonijiet minħabba l-Covid qanqlu l-ħtieġa għal aġġustamenti fil-mod kif jiġu organizzati l-festivals u l-avvenimenti. Għal dan il-għan, Festivals Malta fasslet Festival li qed issir abbord double decker li qed iddur…

Aktar