Barranin
253 immigrant jinżammu kwarantina fuq dgħajsa ‘l barra minn Trapani

Iżjed minn mitejn immigrant li kienu salvati mill-għaqda mhux governattiva Open Arms, kienu trasferiti minn vapur li jopera għall-għanijiet karitattivi għal dgħajsa oħra fejn tpoġġew fi kwarantina mandatorja.

Il-253 immigrant, fosthom nisa u tfal kienu trasferiti fuq dgħajsa lil hinn mill-port Sqalli ta’ Trapani.

Huma ġew salvati mill-Open Arms wara li d-dinghy tagħhom bdiet tegħreq lil hinn mill-kosta Libjana nhar l-Erbgħa.

Mill-inqas sitt persuni tilfu ħajjithom fl-għarqa, fosthom tarbija ta’ sitt xhur.

Kien hemm iżjed minn tletin elf ruħ li waslu fix-xtajtiet Taljani illegalment mit-Tuneżija u l-Libja fl-2020, b’żieda fin-numru wara snin ta’ xejriet mnaqqsin minħabba operazzjonijiet intensivi kontra t-traffikar illegali tal-immigranti.