COVID-19
258 każ ġdid ta’ Covid-19, 182 oħra mfejqa

Il-Ministeru għas-Saħħa ħabbar 258 każ ġdid ta’ Covid-19 f’Malta minn 3,640 swab test li saru fl-aħħar 24 siegħa.

L-awtoritajiet tas-saħħa ħabbru wkoll li 182 persuna oħra ġew iddikjarati mfejqa, biex b’hekk it-total ta’ persuni li fiequ mill-virus minn meta faqqgħet il-pandemija tela’ għal 19,087 persuna.

Minn Marzu ’l hawn f’Malta nstabu 21,982 persuni pożittivi għall-Covid-19, li minnhom hemm 2,582 każ attiv.

B’kollox sal-bieraħ ingħataw 73,644 tilqima, li 23,395 minnhom kienu jikkostitwixxu t-tieni doża. Fil-bulettin mediku ta’ kull ġimgħa, il-Professur Charmaine Gauci qalet li t-tilqim qed isir kif ippjanat u qed iħalli impatt fid-djar tal-anzjani, filwaqt li spjegat kif iż-żieda fil-każi pożittivi qed jirriżultaw mill-varjant mir-Renju Unit, li nfirex u jammonta għal 8% tal-każi pożittivi.

130 persuna jinsabu rikoverati fl-isptarijiet bil-Covid, li dsatax minnhom jinsabu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva – bl-ixjeħ pazjent fl-ITU għandu 72 sena.

Tħabbar ukoll li fl-aħħar 24 siegħa mietu żewġ persuni li kienu pożittiv għall-Covid-19; mara ta’ 83 sena u raġel ta’ 76 sena. Huma mietu fl-Isptar Mater Dei. Mill-bidu tal-pandemija ‘l hawn 313-il persuna mietu bil-virus.

F’Malta nstabu 61 każ tal-varjant tar-Renju Unit tal-Covid, li issa qed jiġi trasmess lokalment. Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, qalet madwar tmienja fil-mija tal-każijiet pożittivi huma tal-varjant li jiġi trasmess b’rata ta’ 70% aktar mgħaġġla minn tipi oħrajn tal-Covid.

“Mill-ewwel ftit każijiet li kellna, kellna każijiet li kienu impurtati però iżjed ma jgħaddi ż-żmien, iżjed qed ikollna l-maġġorparti tal-każijiet li ma jkunux linkjati direttament mal-ivjaġġar u allura dan ikun qed jindika li hemmhekk għandna wkoll trasmissjoni fil-komunità ta’ dan il-varjant, li hija xi ħaġa simili għal dak li qed jiġri wkoll f’pajjiżi Ewropej, infatti l-maġġor parti tal-każijiet li qed ikollhom qed jinbidlu fil-varjant.”

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika qalet li Malta qed tipprova tikkontrolla l-firxa tal-varjant permezz ta’ investigazzjoni tal-każi pożittivi, speċjament fejn ikun hemm gruppi kbar ta’ trasmissjoni. Qalet li s-sintomi tiegħu huma simili ħafna għal tal-Covid u jkun diffiċli li persuna tagħraf għandhiex il-varjant jew le.

Minbarra l-varjant tar-Renju Unit, instab każ wieħed biss tal-varjant tal-Afrika t’Isfel.

Il-Professur Gauci qalet li t-tilqim miexi skont l-istrateġija u dalwaqt se joħorġu l-inviti għall-anzjani li għandhom aktar minn 75 sena, bit-tilqim, li se jingħataw fil-bereġ u ċ-ċentri tas-saħħa, mistenni jibda fit-8 ta’ Marzu li ġej.

S’issa ngħataw aktar minn 73,600 tilqima, bi kważi 23,395 persuna diġà ħadu t-tieni doża tal-tilqima. F’Malta qed jingħataw it-tilqim ta’ Pfizer-BioNtech, Moderna u AstraZeneca, li l-Professur Gauci qalet li qed joħroġ aktar studju dwar l-effettività tagħhom. Qalet li l-Awtorità Ewropea tal-Mediċini qed tevalwa tilqima oħra manifatturata mill-Johnson and Johnson li mistennija tiġi approvata fil-ġimgħat li ġejjin u li minnha Malta għandha ordnata permezz tax-xiri konġunt mal-Unjoni Ewropea.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika qalet li beda jidher l-impatt tat-tilqim fid-djar tal-anzjani – din il-ġimgħa kien hemm biss erbat idjar li rreġistraw każijiet ġodda fejn kien hemm 4 residenti u 3 ħaddiema. F’San Vinċenz de Paul bħalissa hemm 14-il resident bil-covid u tliet swali jinsabu fi kwarantina.

Dwar il-miżuri kontra l-Covid fid-djar tal-anzjani, il-Professur Gauci qalet li dawn jibdew jitneħħew wara li jkun assigurat li tal-inqas 90% tal-anzjani jkunu ngħataw iż-żewġ dożi u li jkunu għaddew għaxart ijiem minn meta jkunu ħadu t-tilqima.

Dwar il-passapport għall-persuni li ħadu t-tilqima, il-Professur Gauci qalet li għaddejjin diversi diskussjonijiet dwar l-użu tiegħu fuq livell Ewropew. Żiedet li Malta diġà bdiet tħejji u qed tiġbor l-informazzjoni tal-persuni li diġà tlaqqmu.

“Ħalli la darba naslu biex jibda jintuża l-vaccine passport, aħna nkunu f’pożizzjoni li noħorġuhom ukoll.”

Mistoqsija dwar x’qed jiddetermina l-fejqan tal-Covid, il-Professur Gauci qalet li r-riċerka turi li wara għaxart ijiem persuna bil-Covid ma tibqax infettiva u li Malta qed isegwi r-rakkomandazzjoni tal-ECDC.

“Jekk inti għandek persuna li kienet pożittiva u m’għadhiex bis-sintomi, allura hemmhekk inti wara erbatax-il ġurnata huwa safe li inti toħorġu barra fil-komunità u m’għandekx għalfejn terġa’ tagħmillu t-test”.

Il-Professur Gauci qalet li dawk li jiġu pożittivi mir-rapid tests mhux meħieġ jagħmlu swab test ukoll u qed jingħaddu mal-każi pożittivi. Spjegat li 34 mill-każijiet pożittivi tal-lum kienu mir-rapid tests.