LGBTIQ
258 persuna riferuti lill-klinika li tgħin lit-transgender

Mindu fetħet f’Novembru 2018 kienu 258 il-persuni li marru fil-Gender Wellbeing Clinic biex jitkellmu dwar dak li kienu qed iħossu.

Din il-klinika, li tinsab fiċ-ċentru tas-saħħa tal-Imtarfa, twaqqfet biex tgħin persuni li jħossu li huma transgender.

Kien id-deputat tal-Gvern Oliver Scicluna li staqsa lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne għal statistika dwar din il-klinika.

Il-Ministru tas-Saħħa elenka n-numru ta’ persuni li s’issa fittxew l-għajnuna f’din il-klinika.

Minn din l-istatistika jirriżulta li 26 kienu riferuti lejn din il-klinika fl-aħħar xahrejn tas-sena li fetħet, 100 fl-2019, 64 fl-2020 u 68 din is-sena.

Kien hemm 10 persuni li riedu jwaqqfu l-proċess tat-tranżizzjoni tal-ġeneru.