Edukazzjoni
26,000 student qed igawdu mit-trasport bla ħlas

Tliet ġimgħat wara li bdiet is-sena skolastika l-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li aktar minn 26,000 studenti li jattendu skejjel tal-istat, tal-knisja u indipendenti qed jużaw it-trasport provdut għall-ewwel darba mill-Gvern. Il-Ministru Bartolo qal li qed tkompli l-ħidma biex jinqdew ukoll 900 student li għad m’għandhomx das-servizz għax ma nstabux sewwieqa u vetturi biex jagħmlu l-vjaġġi kuljum għall-iskejjel.

Il-Ministru Evarist Bartolo qal “aħna qed nagħmlu sforz għal iktar vetturi tat-trasport fit-triq, biex jipprovdu s-servizz u iktar sewwieqa, qed nagħmlu sforz kbir biex wieħed jinvesti għal vetturi u jħarreġ persuni għal dan ix-xogħol”.

Il-Ministru qal li b’dan is-servizz huwa stmat li naqas mit-toroq mat-3,000 karozza privata li kienu jintużaw mill-ġenituri biex iwasslu lill-uliedhom. Il-Ministru qal li s-sistema rnexxiet u bosta familji qed jiffrankaw mal-€550 fis-sena għal kull tifel jew tifla. Qal li mat-tfal tal-kinder li qed jużaw it-trasport qed ikun hemm persuna inkarigata biex tissorvelja u tassisti fuq il-vetturi.

Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru Frank Fabri qal li sa Marzu tas-sena d-dieħla, it-tfal li jużaw it-trasport provdut mill-Gvern se jkollhom apparat mal-basket biex il-ġenituri jkunu jafu jekk uliedhom telgħux u niżlux mill-vettura. Qal li l-investiment għal din is-sistema għal tul ta’ ħames snin se tiswa lill-Gvern aktar minn €2 miljuni.

Frank Fabri spjega li “bħalissa qed jiġu installati receivers fuq kull vettura, 820 vettura tat-tipi differenti…sa Marzu it-tfal kollha, 26,000 u iktar jibbenefikaw minn din is-sistema wkoll”

Il-Ministru Bartolo appella biex ħadd mill-ġenituri ma jagħti xi ħlas lis-sewwieqa jew operaturi tat-trasport, għax qal li daħlulhom rapporti li kien hemm xi sewwieqa jew operaturi li ppruvaw jabbużaw mis-sistema billi jitolbu ħlas separat mill-ġentituri minkejja li qed jitħallsu mill-Gvern.

Aħbarijiet Oħra
Brexit

Il-Prim Ministru Joseph Muscat fil-Parlament fisser il-passi li qed jieħu l-Gvern f’każ li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim. Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ddikjara li l-Oppożizzjoni tappoġġja l-ftehim bejn…

Parlament

Laqgħa imqanqla tal-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi ġiet sospiża wara li ntalbu żewġ rulings differenti mill-Ispeaker fuq jekk xhud għandux jitħalla jaqra dikjarazzjoni qabel isirulu l-mistoqsijiet. Il-Kumitat kellu jisma’ x-xhieda tad-deputat…

Lokali

L-Awtoritajiet tas-Saħħa qed iwissu dwar xorb tal-lumi tad-ditta Piacelli Citrilemon. Fi stqarrija ntqal li wara li saru iktar investigazzjonijiet, instab li l-imsemmi prodott fih sulfati li mhumiex iddikjarati fuq it-tikketta. Lemon…

Aktar