Sport
28 atleta Malti jikkompetu f’10 dixxiplini fl-Ispecial Olympics

F’Abu Dhabi, fl-Emirati Għarab Magħquda fetaħ uffiċjalment il-logħob dinji tal-Ispecial Olympics, l-akbar pjattaforma sportiva għall-atleti li għandhom diżabbiltà intelletwali. L-atleti Maltin huma mimlija entużjażmu u kuraġġ. Il-qofol ta’ sentejn intensivi ta’ taħriġ mistenni jagħti aktar riżultati tajbin fil-jiem li ġejjin.

Enrique Xerri u Anne Marie Bugeja kienu fost l-ewwel atleti Maltin li daħlu fl-azzjoni waqt il-logħob dinji tal-Ispecial Olympics f’Abu Dhabi.

Enrique Xerri qal “ħassejtni mort tajjeb, l-ewwel darba li qed nikkompeti”. Anne Marie Bugeja qalet “ħassejtni mort tajjeb ħafna għax ili naħdem ħafna. Vera ħadt gost nisma’ n-nies iċapċpu.”

Fl-aħħar sentejn, iż-żewġ żgħażagħ ta’ 16 u 17-il sena tħarrġu tliet sigħat kuljum wara l-iskola biex din il-ġimgħa jagħtu l-aħjar prestazzjoni tagħhom f’dawn l-olimpjadi speċjali. Huma stqarrew li l-appoġġ li qed jingħataw qed jimlihom b’kuraġġ.

Anne Marie Bugeja qalet “ma naqtax qalbi u kif għidt nerġa’ nagħti l-100% tiegħi u nuri kemm jien kapaċi fil-gymnastics. I will do it for Malta. Nixtieq nirbaħ il-midalji wkoll u jkolli s-sapport kollu.”

Enrique Xerri stqarr “tagħtina kuraġġ għax meta tlesti r-routine u tara n-nies iċapċpu tagħtik kuraġġ u d-darba ta’ wara tagħmilha isbaħ.”

Id-Direttur ta’ Special Olympics Malta, Anna Calleja qalet li t-tamiet għall-atleti Maltin huma kbar. Żiedet tgħid li Malta marret biex tirbaħ u mhux biex tieħu sehem biss. Stqarret li dal-logħob prestiġjuż huwa barka mis-sema għall-atleti.

Anna Calleja qalet “meta atleta tal-Ispecial Olympics jesperjenza world games tagħtih boost f’ħajtu, fejn hu jintebaħ li kapaċi, ikun kburi li qed jirrappreżenta lil pajjiżu u jagħti l-100%. Kemm huma u anke qrabathom”.

Il-Ħamis kienet ġurnata ta’ mistrieħ għall-atleti billi filgħaxija saret iċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Ispecial Olympics fiż-Zayed Sport City f’Abu Dhabi. Il-qofol taċ-ċerimonja ntlaħaq malli ntemmet il-ġirja bit-torċa olimpika msejħa ‘Fjamma ta’ tama’. Fiċ-ċerimonja kien hemm spettaklu bis-sehem ta’ artisti internazzjonali fosthom il-kantanta Kanadiża Avril Lavigne, u d-DJ internazzjonali Paul Oakenfold.

Minkejja li dan il-logħob dinji tal-Ispecial Olympics li beda jsir fl-1968, normalment isir fis-sajf, l-atleti Maltin se jkunu qed jikkompetu f’temperatri li jlaħħqu id-29 grad Celsius. It-28 atleta Malti se jkunu fost aktar minn 7,500 atleta minn 190 pajjiż minn madwar id-dinja.

Aħbarijiet Oħra
Qorti

Filmat imxandar minn TVM kien strumentali biex tliet ‘bouncers’ instabu ħatja li weġġgħu gravi lil żewġt irġiel f’Paceville. Fil-ftuħ tas-sentenza l-Maġistrat Joseph Mifsud iddikjara li l-każ kien wasal quddiem il-Qorti wara…

Qorti

Mill-investigazzjoni nstab li Lorin Scicluna kellu erba’ armi tan-nar reġistrati f’ismu fosthom waħda tad-9 millimetri. Qabel ħadu lil Lorin id-Depot, il-Pulizija marru sad-dar tiegħu u minn taħt is-sodda ġew elevati…

Qorti

Fil-Qorti nstemgħet ix-xhieda tal-Ispettur Keith Arnaud li qal li għall-ħabta tal-23:10 seħħet sparatura fi Triq tal-Ġebel li fiha kien hemm persuna maqtula u tnejn oħra midruba. L-Ispettur Arnaud qal li…

Qorti

Fil-Qorti, bdiet tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra ż-żewġ suldati akkużati bil-qtil fis-6 ta’ April li għadda ta’ Lassine Cisse Souleymane ta’ 42 sena mill-Kosta tal-Avorju. Lorin Scicluna ta’ 22 sena minn…

Aktar