Lokali
28 fergħa tal-BOV se jiftħu nhar ta’ Sibt

Il-Bank of Valletta qed iħabbar li, wara l-iżviluppi fix-xenarju COVID-19, se jkun qed iżid in-numru ta’ fergħat li joperaw kull nhar ta’ Sibt minn 6 għal 28, b’effett mis-Sibt 6 ta’ Ġunju 2020.

Il-ħinijiet tal-ftuħ tal-fergħat nhar ta’ Sibt se jerġgħu lura għan-normal mit-8.30 am sal-12.30 pm, bi ġbid ta’ flus u tisrif ta’ ċekkijiet aċċettati sa nofsinhar. Fid-dawl tat-tnaqqis ta’ restrizzjonijiet fis-seħħ kif imġabbar mill-Gvern ta’ Malta, il-Bank reġa rreveda l-operat tal-fergħat tiegħu bil-għan li jżid il-livell ta’ konvenjenza għall-klijenti tiegħu.

12-il fergħa tal-BOV f’Malta u 1 f’Għawdex se jkunu qed joffru servizz sħiħ nhar ta’ Sibt inkluż tisrif ta’ ċekkijiet, ġbid ta’ flus u depożiti. Dawn il-fergħat jinsabu f’Birkirkara, il-Gżira, il-Marsa, il-Mosta, in-Naxxar, ir-Raħal Ġdid, ir-Rabat, San Ġwann, Santa Venera, San Pawl il-Baħar, il-Belt Valletta, ir-Rabat Għawdex u ż-Żejtun.

12-il fergħa oħra f’Malta u 3 Aġenziji ġewwa Għawdex se jkunu miftuħin nhar ta’ Sibt għal servizzi bħal self għad-djar, self personali, investimenti, Cards u applikazzjonijiet għall-Internet u Mobile Banking. Dawn il-fergħat mhux se joffru servizzi ta’ kaxxiera nhar ta’ Sibt iżda se jiffukaw fuq servizzi bankarji oħra li jeħtieġu diskussjonijiet u pariri mill-istaff speċjalizzat tal-Bank. Dawn il-fergħat jinsabu f’Ħ’Attard, il-Balluta, Buġibba, il-Furjana, Ħaż-Żabbar, Ħaż-Żebbuġ, l-Imqabba, ir-Rabat, is-Siġġiewi, San Ġiljan, Tal-Ibraġ u ż-Żurrieq. L-Aġenziji ġewwa Għawdex huma dawk tan-Nadur, is-Sannat u x-Xagħra.

Il-fergħat kollha msemmija hawn fuq se jkomplu joffru servizzi sħaħ mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-8.30 am u s-1.30 pm, bis-servizz ta’ kaxxiera disponibbli sa nofsinhar.

Klijenti li jeħtieġu servizzi mhux mingħand il-kaxxier jistgħu jagħmlu appuntament billi jibagħtu email fuq [email protected] bit-tip ta’ servizz meħtieġ, numru tal-mobile, numru tal-Karta tal-Identità u l-fergħa l-aktar konvenjenti għalihom jew billi jċemplu fuq +356 2275 3500 mit-Tnejn sal-Ġimgħa mit-8.00am sal-4.00pm.

Iktar dettalji jistgħu jinstabu fuq https://www.bov.com/content/covid-19-bov-updates.