28 miljun ewro f’fondi jistennew biex jintefqu mill-kunsilli lokali fuq proġetti ambjentali

Waqt il-programm ‘Popolin’ ġie diskuss it-tibdil fil-klima u l-impatt tiegħu fuq livell nazzjonali u internazzjonali. ‘Popolin’ tkellem ma Vincent Cassar, Chairperson tal-Bord għall-Ippjanar, fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar.

Cassar spjega li meta proġett jitla’ quddiem il-bord biex jiġi approvat jew le, il-membri jieħdu in konsiderazzjoni l-kwistjoni tal-‘landscaping’ u mhux biss billi jaraw li jkun hemm żewġ siġriet l’hemm u l’hawn. L-applikanti jridu juru li l-proġett sar bi ħsieb, per eżempju jrid jiġi ppruvat li CO2 li jiġi ġġenerat qiegħed jiġi assorbit.

Vincent Cassar tkellem ukoll fuq fondi li jinsabu għad-dispożizzjoni tal-Kunsilli Lokali biex jressqu l-quddiem proġetti li jkollhom benefiċċji ambjentali. Il-fondi disponibbli huma ta’ 35 miljun biss ftit iktar minn 7 miljuni biss huma kommessi għal proġetti approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar. Dan ifisser li fil-mument hemm 28 miljun ewro f’fondi li jistgħu jintużaw mill-Kunsilli Lokali biex isiru proġetti ambjentali li jħallu impatt pożittiv fuq il-lokalità konċernata u ċ-ċittadini tagħha.  “Jekk il-Kunsilli Lokali ma japplikawx għal dawn it-tip ta’ proġetti, aħna ma nistgħu nagħmlu xejn” “Hemm bżonn ta’ iktar inizjattiva u ħsieb minn naħa tal-Kunsilli Lokali, biex joħorġu b’ideat għal proġetti li jistgħu jsiru fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom” tenna Cassar.