Barranin
28 sena ħabs għall-mexxej ta’ wieħed mill-ikbar traffikanti tad-droga fil-Messiku

Fil-Messiku, Vicente Carrillo Fuentes, traffikant ewlieni tad-droga ġie kkundannat 28 sena ħabs.

Fuentes, li għandu 58 sena, ħa t-tmexxija tal-grupp kriminali Juarez fl-1997 wara li ħuh Amado miet ħabta u sabta fl-1997. Dan waqt operazzjoni li saritlu biex jibdel id-dehra tiegħu. It-tobba li kienu responsabbli mill-operazzjoni nqatlu ftit wara.

Amado Fuentes kien beda jmexxi dan il-grupp kriminali wara li qatel lill-mexxej ta’ qablu, Rafael Aguilar Guajardo.

Taħt it-tmexxija tiegħu, Juarez sar l-ikbar grupp kriminali Messikan li jesporta kokaina lejn l-Istati Uniti.

Dan il-grupp spiċċa wkoll fi gwerra kontra grupp kriminali mmexxi minn “El Chapo” Guzman fejn mietu mijiet ta’ nies.

Is-sentenza li ngħata Fuentes ħadet konsiderazzjoni tas-snin li huwa diġà qatta’ fil-ħabs.

L-Istati Uniti kienet qed toffri $5 miljun għall-qbid tiegħu qabel ġie arrestat fl-2014.