COVID-19
283 każ ġdid ta’ Covid-19 f’Malta, 156 oħra mfejqa

Il-Ministeru għas-Saħħa ħabbar 283 każ ġdid ta’ Covid-19 f’Malta minn 3,799 swab test li saru fl-aħħar 24 siegħa.

Tħabbar ukoll li 156 persuna oħra ġew iddikjarati mfejqa, biex b’hekk it-total ta’ persuni li fiequ mill-virus minn meta faqqgħet il-pandemija tela’ għal 20,291 persuna.

Minn Marzu ’l hawn f’Malta nstabu 23,871 persuni pożittivi għall-Covid-19, li minnhom hemm 3,252 każ attiv.

B’kollox sal-bieraħ ingħataw 89,946 tilqima, li 31,034 minnhom kienu jikkostitwixxu t-tieni doża.

Tħabbar ukoll li fl-aħħar 24 siegħa tliet persuni mietu waqt li kienu pożittivi għall-Covid-19.

Intant, waqt il-konferenza tal-aħbarijiet tal-lum, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci qalet li b’kollox hemm 150 każ fl-isptarijiet; hemm 17 fl-ITU ta’ Mater Dei, 11 fl-IDU, 66 fi swali oħra f’Mater Dei, 19 fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, fosthom 4 fl-ITU, 5 fl-Isptar Boffa, 24 f’St Thomas Hospital, 2 fl-Isptar Karin Grech, u 23 fil-Good Samaritan. F’Monte Carmeli m’hemmx każi attivi.

Il-maġġoranza ta’ persuni li mietu bil-Covid-19 huma rġiel bejn 80 u 84 sena, u t-tilqim ta’ dan il-grupp issa qed jingħalaq. Prof Gauci qalet li min għandu iktar minn 80 sena u għal xi raġuni forsi ma rċeviex stedina għat-tilqima, għandu jitlob appuntament biex jingħata appuntament.

Prof Gauci ħabbret ukoll li mil-lum, persuni ta’ bejn 60 u 70 sena se jibdew jirċievu stedina biex jieħdu t-tilqima, hekk kif ġie deċiż li dawn jistgħu jibdew jieħdu wkoll it-tilqima tal-AstraZeneca.

Dwar l-intraċċar tal-kuntatti, Prof Gauci qalet li b’kollox 2,171 persuna ċemplet biex titlob swab test wara li rċeviet notifika permezz tal-Contact tracing app, li niżżluha madwar 19.7% ta’ dawk minn 13-il sena ‘l fuq.

Iktar dettalji ngħataw waqt il-konferenza tal-aħbarijiet mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika: