Lokali
290,000 persuna jgawdu minn 17-il miżuri soċjali b’nefqa ta’ €1,600 miljun

Eluf ta’ familji u pensjonanti din is-sena qed jibbenefikaw bejniethom minn 1,600 miljun ewro f’benefiċċji soċjali, li wħud minnhom daħlu fis-seħħ din is-sena b’miżuri mħabbra fil-budget li għadda.

Il-Ministru għas-Solidarjetà u Ġustizzja soċjali, Michael Falzon qal li sa Ġunju l-Ministeru wettaq 95% tal-miżuri tal-Baġit 2021, u sostna li din hija l-akbar xhieda ta’ kemm il-Gvern għandu ruħ soċjali kbira u qed jagħmel differenza f’ħajjet in-nies.

Huwa stmat li matul din is-sena mal-290,000 persuna gawdew minn 17-il miżura soċjali li twettqu mill-Gvern u bejniethom ingħataw madwar 1,600 miljun ewro f’benefiċċji soċjali.

F’rendikont tan-nefqiet soċjali mill-baġit 2021, is-segretarju permanenti fil-Ministeru għas-solidarjetà u ġustizzja soċjali Mark Musu’ qal li 54% tan-nefqa tal-Gvern li tammonta għal 6,500 miljun ewro se tmur għall-qasam soċjali. Sostna li l-parti l-kbira tan-nefqa soċjali tmur għall-pensjonijiet u l-benefiċċji soċjali.

Dwar benefiċċji soċjali, is-Sur Musu’ spjega li ftit anqas minn 7,000 persuna qed jirċievu għajnuna Soċjali, b’uħud minnhom qed jirċievu aktar minn benefiċċju wieħed. Qal ukoll li fl-ewwel 6 xhur tas-sena barra l-ħlas taċ-Children’s Allowance li kien ilaħħaq madwar €19-il miljun, 42,600 familja diġà tħallsu bejniethom is-somma ta’ €1.75 miljun. Sal-aħħar tas-sena in-nefqa totali fuq Children Allowance mistennija tlaħħaq it-€42 miljun. Benefiċċju ieħor ġdid varat din is-sena kien dik tal-Għotja għal Carer ta’ €300 fis-sena bħala għajnuna lill-ġenituri li ma jkunux jistgħu jaħdmu biex jieħdu ħsieb wild b’diżabilità fl-età ta’ aktar minn 16-il sena. Sal-aħħar ta’ Ġunju applikaw u tħallsu madwar 400 ġenitur.

Il-Ministru għas-Solidarjetà u Ġustizzja Soċjali Michael Falzon, qal li l-Gvern baqa’ jxammar il-kmiem u bil-fatti qed juri li qed issir differenza fil-ħajja tan-nies bl-għoti ta’ dawn il-benefiċċji kollha.

Il-Ministru Falzon qal li sa Novembru, il-Ministeru se jkun wettaq l-aħħar miżura li fadal issir hekk kif f’Novembru se jitħallsu kważi €10 miljuni, f’pagamenti lil 5,500 persuna, li huma l-ħaddiema jew werrieta tagħhom li kienu f’wieħed mill-korpi ta’ qabel l-1979 jew kienu impjegati mal-Gas Board u wara daħlu jaħdmu fis-servizz pubbliku.