Lokali
3 affarijiet li għandek tagħmel biex ma taħlix ilma d-dar

Bħala parti mill-kampanja nazzjonali ‘Ilma – Ibda Minnek’ biex titqajjem aktar kuxjenza fuq l-użu sostenibbli u effiċjenti tal-ilma, l-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma spjegat dak li jkun x’għandu jagħmel biex jara li mhux qed jaħli ilma d-dar. Qalet, li meta jkollok l-ilma qed inixxi minn x’imkien u ma tintebaħx dan jista’ jgħollilek il-kont tal-ilma u jista’ jagħmillek il-ħsara fid-dar.

B’hekk, biex toqgħod b’seba’ għajnejn li ma taħlix ilma għandek:

  • Tiċċekkja l-konsum tal-ilma tiegħek minn fuq wsc.com.mt fis-sezzjoni ‘Ara l-mappa’. Jekk il-grafika turi livell kostanti ta’ konsum tal-ilma, anki billejl, mela żgur li għandek xi ilma jnixxi xi imkien.
  • Tiċċekkja l-arloġġ tal-ilma billejl kif ukoll filgħodu. Jekk ikun hemm differenza sinifikanti dan ifisser li kien hemm xi taqtir billejl u li allura nħela l-ilma.
  • Tiċċekkja li l-flushing qed jaħdem sew billi tagħmel xi kulur tal-ikel ġot-tank. Jekk l-ilma kkulurit iqattar għal ġot-toilet, mela l-ilma jkun qed inixxi.

Intant, l-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma ġibdet l-attenzjoni għall-fatt li jekk għal xi raġuni jew oħra m’għandekx ħin biex tiċċekkja l-arloġġ tal-ilma, huwa importanti li tara l-kont tal-ilma bir-reqqa. Fissret, li jekk il-kont żdied b’mod sinifikanti imma l-użanzi tiegħek ma nbidlux, dan jaf ifisser li għandek xi ħsara. Il-kont tal-ilma għandu jibqa’ fl-istess ilma minn xahar għal xahar.