Lokali
3 bajjiet Maltin meqjusa fost l-isbaħ u l-aktar bajjiet siguri mill-Covid fl-Ewropa

Il-bajja tal-Għadira, dik tar-Ramla l-Ħamra f’Għawdex u l-bajja ta’ Għajn Tuffieħa ntagħżlu mill-magazine ta’ reputazzjoni internazzjonali Forbes mal-aktar 13-il bajja l-ġmiel tagħhom u li huma siguri mill-pandemija tal-Covid-19 fl-Ewropa bħalissa.

Il-magazine Forbes qal li l-bajja tal-Għadira, b’mod speċjali, hija spazjuża biżżejjed biex dak li jkun igawdi l-baħar u jżomm id-distanza soċjali kif meħtieġ.

Forbes ħajjar lill-pubbliku jqatta’ l-btajjel tas-sajf f’Malta għax fost l-oħrajn gżiritna għandha l-ogħla rata ta’ tilqim fl-Ewropa kif ukoll peress li min tlaqqam għalkollox jista’ jniżżel iċ-ċertifikat tal-vaċċin. Forbes ġibed l-attenzjoni għall-fatt ukoll li r-ristoranti u l-barijiet qed jiftħu l-bibien tagħhom sa nofsillejl u li l-ilbies tal-maskra maġenb il-baħar, mill-bieraħ, ma baqax obbligatorju.

Il-magazine faħħar ukoll l-iskemi mnedija mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu biex it-turist imidd riġlejh fi xtutna. Fost l-oħrajn, issemma’ l-inċentiv għal min se jżur il-gżejjer Maltin għal rasu dan is-sajf. Skema, li permezz tagħha, it-turist jista’ jgawdi minn għadd ta’ skontijiet sa €200 li jistgħu jintużaw fil-lukandi ta’ 3 stilel jew aktar.