Ambjent
3 bajjiet se jiġu riġenerati b’ramel naturali

F’żewġ bajjiet f’Birżebbuġa u Marsaxlokk u oħra f’San Ġiljan ser isiru interventi biex jiżdied ir-ramel naturali fihom. It-tliet proġetti għandhom jitlestew qabel jidħol is-sajf u fihom ser jiżdiedu faċilitajiet oħra għall-għawwiema. Il-Ministru tat-Turizmu Konrad Mizzi assigura li dawn il-bajjiet ser jibqgħu bajjiet pubbliċi u mhux jiġu kkaparati minn operaturi privati.

Fuq l-għatba tas-sajf u tal-istaġun tal-għawm, aħbar tajba għall-għawwiema li jħobbu x-xtajtiet ramlin. Il-Ministeru tat-Turiżmu ħabbar li ser jibdew tliet proġetti biex il-Bajja tal-Balluta f’San Ġiljan, il-Bajja tal-Għar Aħmar f’Marsaxlokk u l-Bajja ta’ San Ġorġ f’Birżebbuġa jiġu riġenerati fost oħrajn b’ramel naturali mill-istess bajjiet.

F’konferenza tal-aħbarjiet f’Birżebbuġa, il-Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi ħabbar li l-proġett tal-Bajja tal-Balluta ser isir bl-appoġġ tal-privat mingħajr ebda obbligi mill-Gvern.

Il-Ministru Mizzi qal “dan il-proġett għall-ħames snin li ġejjin ser jiġi ffinanzjat mill-kumpanija Marriott li għandha lukanda hemmhekk, però l-baħar, nerġa’ ninsisti se jkun public beach u mhu se jkun hemm l-ebda concessions fuq il-bajjiet”.

Dr Mizzi sostna li l-bajja mhux se tkun ikkapparata la mil-lukanda u lanqas mill-ebda operatur tad-deckchairs u l-umbrelel.

Il-Ministru Mizzi qal li l-Bajja tal-Għar Aħmar f’Marsaxlokk se jsiru xogħlijiet infrastrutturali, fosthom ilqugħ bil-ġebel fil-baħar biex il-mewġ ma jġorrx ir-ramel. Huwa qal li r-riġenerazzjoni u tal-bajja u l-ilqugħ ser isir b’investiment ta’ €150,000.

Mistoqsi jekk l-ilqugħ jistax isir fil-bajja tal-Balluta biex il-maltemp ma jkaxkarx ir-ramel lura fil-baħar kif ġara s-sena l-oħra, il-Perit Kevin Fsadni mill-Awtorità tat-Turiżmu qal li d-dinamika tal-bajjiet hija differenti.

“Il-Balluta hija iktar ikkumplikata għax hija parti minn sistema ta’ bajjiet oħra, għandek Spionala, allura jista’ jagħti l-każ li s-soluzzjoni mhix biss li tintervjeni fil-Balluta imma li tintervjeni barra”.

Il-Perit Fsadni qal li b’investiment ta’ €60,000, il-Bajja ta’ San Ġorġ f’Birżebbuġa se tikber b’madwar għoxrin metru.

“Għandek grab jew pompa li qed taqbad ramel mis-sistema tal-bajja nnifisha, mhux iktar bogħod mill-mitejn metru mill-bajja u sempliċiment qed iċċaqlaq dak ir-ramel lura għal fuq il-bajja, jiġifieri hija l-aktar mod naturali u ambjentalment sensittiv li tista’ tagħmel”

Ix-xogħlijiet, li se jsiru mill-Awtorità tat-Turiżmu u l-Fondazzjoni għaż-Żoni Turistiċi, se jitlestew sal-aħħar ta’ Ġunju. Il-bajjiet se jiġu mgħammra b’faċilitajiet fosthom doċċi u life guards.

Il-Ministru Mizzi qal li hemm il-pjan li jiġu identifikati iżjed bajjiet biex isiru proġetti simili li jkomplu jitjiebu l-bajjiet ramlin li qal huma mfittxija mill-Maltin u t-turisti.