Kronaka
AĠĠORNAT: 3 ġuvintur jammettu li serqu l-fjuwil minn pompi tal-petrol

Daniel Vella ta’ 19-il sena miż-Żejtun tressaq il-Qorti akkużat b’serq ta’ fjuwil minn żewġ pompi tal-petrol fiż-Żurrieq u l-Marsa, f’numru ta’ okkażjonijiet f’Marzu u Ġunju li għadda. Miegħu tressqu ukoll żewġ żgħażagħ; Maverick Vella ta’ 21 minn Ħal Qormi u Richard Louis Vella ta’ 22 sena minn Bormla, akkużati b’kompliċità fis-serq tal-fjuwil mill-pompa tal-petrol tal-Marsa f’Ġunju.

Quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli, il-prosekuzzjoni qalet li b’kollox insterqu b’€1,240 fi fjuwil, bil-maġġoranza tas-serq sar minn Daniel Vella. Richard Louis Vella kien akkużat ukoll li saq karozza mingħajr liċenzja tas-sewqan u mingħajr polza tal-assikurazzjoni.

L-Ispetturi Wayne Camilleri u Mario Sciberras, mit-taqsima tar-Reati Maġġuri, qalu li f’Ġunju daħal rapport fl-għassa tal-Ħamrun li f’ħinijiet differenti fl-1 u 2 ta’ Ġunju f’diversi ħinijiet filgħaxija, dehru filmati minn kameras tas-sigurtà f’Cini Petrol Station, fi Triq Aldo Moro, l-Marsa. Mill-filmati dehret persuna timmanuvra mal-magna li tieħu flus biex jingħata l-fjuwil. L-Ispettur spjega li waqt li l-magna kienet qed tieħu l-flus, l-akkużat beda jiġbed il-flus lura, bil-magna taqra li ħadithom. Kompla li żewġ persuni kienu qed jassistu billi joqgħodu fil-karozza u jassistu fit-teħid tal-fjuwil.

L-Ispettur spjega li din il-ħaġa ġrat iktar minn darba u fir-reat insteraq ammont konsiderevoli ta’ fjuwil. Qal li wara li investigaw il-filmati, fosthom il-karozzi li dehru, waslu għat-3 imputati.

Il-prosekuzzjoni żiedet li meta kienu qed jagħmlu l-investigazzjoni irriżultalom li kien hemm rapporti oħra f’Marzu minn G Camilleri petrol Station fiż-Żurrieq – li saru fl-10 u fit-12 ta’ Marzu, deher l-istess persuna jagħmel manuvri simili mal-magna li tieħu l-flus.

It-tliet żgħażagħ ammettew l-akkużi migjuba kontrihom, għajr ghall-akkuzi fil-konfront ta’ Richard Louis Vella relatati mal-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti sentejn ilu.

L-avukat tal-għajnuna legali li dehret għal Daniel Vella, li qal li xogħlu hu li jaħsel il-karozzi, kien lest iħallas sehmu lill-vittmi, li b’kollox ammontaw għal €940 f’serq ta’ fjuwil – €790 mill-pompa tal-petrol fiż-Żurrieq u t-terz tiegħu li jammow ta’ €150 fis-serqa li seħħet fil-Marsa. L-avukat talbet għal sentenza sospiża. Il-prosekuzzjoni ma sabitx oġġezzjoni u żiedet li ż-żagħżugħ ikkopera mal-pulizija.

Dwar Maverick Vella l-avukat difensur qal li r-reat ta’ serq ta’ €150 fi fjuwil hu wieħed żgħir u l-ġuvni għandu fedina penali netta.

Fl-ghoti tas-sentenza mill-Maġistrat, Daniel Vella weħel 18-il xahar priġunerija li ġew sospiżi għal sentejn u kien ordnat iħallas €940 lill-vittmi fi żmien sitt xhur.

Maverick Vella tpoġġa taħt propation għal sentejn u jrid iħallas €150 lill-vittma fi żmien tliet xhur.

Fil-każ ta’ Richard Louis Vella, dan ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali ta’ €4,000. Il-Maġistrat ordnatlu wkoll jiffirma l-għassa taż-Żejtun.