Lokali
3 immigranti jintbagħtu l-ħabs wara li provaw isiefru b’passaporti mhux tagħhom

Tliet immigranti, tnejn mill-Mali u wieħed mis-Sudan weħħlu tliet snin u nofs ħabs bejniethom wara li fil-Qorti ammettew li ppruvaw isiefru lejn l-Italja, b’passaporti ġenwini li ma kinux tagħhom.

Bourama Toumakara ta’ 19-il sena mill-Mali u Ahmed Mohamed Montaser ta’ 22 sena mis-Sudan ġew ikkundannati 12-il xahar ħabs kull wieħed. Sacko Baukader ta’ 21 sena mill-Mali ntbagħat 18-il xahar ħabs.

L-Ispettur Frankie Sammut qal li dawn huma immigranti li daħlu Malta. Qal li dawn kienu qed isibu diffikultà biex isibu impjieg f’Malta u għalhekk ippruvaw jittantaw xortihom x’imkien ieħor. Insista li jingħataw sentenza ta’ priġunerija effettiva biex isservi ta’ detterrent.

Fil-każ ta’ Baukader, l-Ispettur qal li fis-26 ta’ Awwissu li għadda kien tressaq il-Qorti fuq akkużi simili, ammetta u ntbagħat seba’ xhur ħabs. Żied li ħareġ mill-ħabs f’Jannar li għadda u reġa’ pprova jaħrab. It-tliet immigranti kienu rapreżentati mill-avukat tal-għajnuna legali, Annmarie Cutajar.