Lokali
3 persuni arrestati wara li nqabdu bid-droga f’San Pawl il-Baħar
Tliet persuni kienu arrestati matul il-lejl illi għadda f’ħidma li wettqu l-Pulizija mill-Għassa tal-Qawra. Minn stħarriġ li għamel tvm.com.mt, huwa mifhum li għal ħabta tan-12.30am, il-Pulizija waslitilha informazzjoni li f’stabbiliment tax-xorb li jinsab fi Triq it-Tamar, f’San Pawl il-Baħar, allegatament kien qed isir traffikar ta’ droga.
Fuq il-post marru numru ta’ pulizija tad-distrett fejn fil-ħanut sabu lil barman tal-ħanut li huwa Malti ta’ madwar 33 sena u żewġ persuni oħra, Malti u Palestinjan, fil-pussess tad-droga.
Fuq il-post inġiebu l-klieb tal-Pulizija kif ukoll Pulizija tal-RIU u mit-tfittxija li saret instabu madwar 25 pakkett allegatament droga kokaina u kannabis lesti għat-traffikar. Fil-pussess tal-Palestinjan, instabet ukoll sikkina imdaqsa.
It-tliet irġiel ittieħdu l-Għassa tal-Qawra għal aktar stħarriġ.