Qorti
AĠĠORNAT: 3 persuni jitressqu l-Qorti wara li pprovaw jitilqu minn Malta b’test tal-Covid-19 iffalsifikat

Tliet persuni: żewġ Franċiżi u Libjan tressqu l-qorti wara li pprovaw jitilqu minn Malta b’test tal-Covid-19 iffalsifikat.

Michelosi Arnaud Marine Jean ta’ 24 sena u Tabatoni Samuel Fabrizio Numa ta’ 25 sena, it-tnejn minn Aix-en-Provence, inqabdu fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta b’dokumenti falsifikati.

Quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, iż-żewġ żgħażagħ ammettew u ngħataw sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin.

Raġel Libjan, li ismu mhux jixxandar fuq ordni tal-qorti, ukoll ammetta li uża test tal-Covid falz biex jitlaq minn Malta. Huwa ġie arrestat fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u  tressaq il-Qorti akkużat li għamel dikjarazjoni falza u li  uża dokument falz.

L-Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni, l-Ispettur Silvio Magro, talab lill-Qorti għal divjett fuq isem l-akkużat għax ikopera bis-sħiħ fl-investigazzjonijiet tal-pulizija biex taqbad lil min qed jagħmel u jbigħ dawn id-dokumenti foloz tal-Covid-19. Huwa żied li l-akkużat tah iktar minn dak li kien mitlub minnu.

L-avukat Charles Mercieca, li deher għall-akkużat qal li l-Libjan ried jitlaq minn Malta għax inqalgħetlu emerġenza. Żied li huwa kien irriżulta negattiv għall-Covid-19.

Il-Libjan ingħata l-libertà kunduzzjonata għal sentejn. L-avukat Joe Brincat deher għaż-żewġ żgħażagħ Franċiżi.