Statistika
3 persuni jitilfu ħajjithom f’inċidenti tat-traffiku bejn Lulju u Settembru – mill-bidu tas-sena seħħew 16-il fatalità – NSO

Kienu tlieta l-persuni li tilfu ħajjithom f’inċidenti tat-traffiku bejn Lulju u Settembru li għaddew – żewġt irġiel u mara.

Dawn kienu xufier ta’ mutur  u passiġġier ta’ mutur li mietu f’ħabta ma’ vettura, kif ukoll persuna li kienet miexja fit-triq u ttajret minn karozza wkoll.

Dan joħroġ minn ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) li juru li t-total ta’ fatalitajiet li seħħew fl-ewwel 9 xhur tas-sena telgħu għal 16, kważi fl-istess livell tal-istess perjodu s-sena li għaddiet.

Skont l-NSO, b’mod ġenerali naqsu l-inċidenti tat-traffiku b’6.4% meta mqabbel mal-istess perjodu tal-2017, filwaqt li l-istess statistika turi li naqas l-ammont ta’ persuni li weġġgħu fit-tielet kwart tas-sena b’7.8%.

Infatti jirriżulta li kien hemm 51 xufier u 16-il passiġġier li ndarbu serjament, filwaqt li kien hemm 14-il persuna li kienu qed jimxu fit-triq u ċiklist li ndarbu serjament ukoll.

L-iktar li ndarbu kienu rġiel (70%) u maġġoranza ta’ dawk li ndarbu kellhom bejn 26 u 40 sena.  L-ikbar numru ta’ inċidenti (58.5%) kienu jinvoltu karozzi żgħar.

Skont l-NSO, il-Ġimgħa kienet l-iktar ġurnata li seħħew fiha inċidenti, filwaqt li l-iktar ħin li fih ġraw l-inċidenti kien bejn nofsinhar u s-2pm.

L-iktar post li fih ġraw inċidenti kien B’Kara, segwit minn San Pawl il-Baħar u l-Ħal Qormi.