Kostruzzjoni
3 persuni l-Qorti b’rabta mal-inċident tal-bini fi Gwardamanġa

Jidher li wara disa’ xhur ġew konklużi l-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar il-każ li seħħ f’Ġunju li għadda meta ċeda parti mill-ħajt ta’ blokka ta’ appartamenti fi Gwardamanġa.

TVM hu infurmat li l-Pulizija mistennija tressaq il-Qorti tliet persuni b’rabta mal-inċident. It-tliet persuni li sa issa mhux magħruf jekk jinkludux l-iżviluppatur, il-Perit jew il-ħaddiema, mistennija jiġu akkużati bi traskuraġni.

Fi żvilupp ieħor, il-Ministeru għall-Ġustizzja se jibda proċess biex r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesti f’każijiet bħal dawn jibdew jiġu pubblikati.

Disa’ xhur minn meta residenti ta’ ħames appartamenti fi Triq Mimosa, Gwardamanġa spiċċaw jgħixu f’residenzi oħrajn minħabba li ċeda ħajt ta’ żewġ kmamar fl-appartament fis-sular t’isfel, il-Pulizija jidher li għamlu progress fl-investigazzjonijiet u fil-jiem li ġejjin mistennija jressqu l-Qorti tliet persuni u jkunu mixlija b’akkużi relatati ma’ traskuraġni u negliġenza waqt ix-xogħol ta’ skavar.

F’dan il-każ il-Maġistrat kien għamel inkjesta dwar l-inċident u stabilixxa jekk kienx hemm reati jew le. Mill-banda l-oħra, mhux l-istess għal każ simili f’telgħa ta’ G’Mangia, bil-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis jgħid li hu l-maġistrat inkwerenti li jiddeċiedi għandhiex issir inkjesta jew le.

“Jien nemmen li kellha ssir inkjesta għax l-inkjesta mhux biss tara jekk sar reat jew le però tagħti suġġerimenti biex dak li kellu jsir sew isir, u dak li ma kellux isir anke mill-kuntrattur ma jerġax jirrepeti ruħu.”

Dwar il-pubblikazzjoni ta’ rapporti ta’ inkjesti wara inċidenti bħal tat-Tnejn li għadda fil-Ħamrun, Dr Zammit Lewis qal li skont liġi antika, inkjesta tista’ tiġi ppubblikata biss jekk jinkiseb permess formali mill-Avukat Ġenerali.

Madankollu, qal li hu qed jitlob parir biex dawn l-inkjesti, speċjalment ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom jibdew jiġu ppublikati mingħajr il-ħtieġa ta’ talba speċifika mill-partijiet interessati.

“Però jiġu ppubblikati awtomatikament għax fejn hemm bżonn li nbidlu għandna nkunu umli biżżejjed bħala Gvern biex inbidlu għas-sigurtà mhux biss tal-ġirien pero tal-pubbliku inġenerali”

Il-Ministru Zammit Lewis qal li dwar dawn il-bidliet se jara li dawn jgħaddu mill-kabinett u l-proċess parlamentari kemm jista’ jkun malajr.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Id-Deputat Prim Ministru u Minsitru għas-Saħħa Chris Fearne qal li fl-aħħar 24 siegħa ma kien irreġistrat ebda każ ġdid ta’ Covid-19 f’Malta. Fuq Twitter Dr Fearne qal li “għax qbadna…

COVID-19

It-tabib tal-emerġenza, Michael Spiteri esprima d-diżżapunt tiegħu fuq il-media soċjali għall-fatt li lbieraħ filgħaxija partitarji tal-Floriana inġabru f’attività tal-massa fuq il-Fosos, sabiex jiċċelebraw id-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol li vvutaw…

Aktar