COVID-19
3 persuni oħra infettati bil-Coronavirus f’Malta

Ikkonfermati 3 każijiet ġodda ta’ Coronavirus f’Malta, bil-persuni infettati jitilgħu għal 12.

Il-persuni infettati huma raġel Malti ta’ 45 sena, Taljan ta’ 40 sena u mara Maltija ta’ 30 sena li taħdem fil-qasam tas-Saħħa. Dawn il-każijiet, ikkonfermat is-Superintendent, huma kollha impurtati u s’issa ma kien hemm l-ebda trażmissjoni lokali.

Il-Professur Gauci qalet li r-raġel Malti kien Munich fis-6 ta’ Marzu u ġie lura Malta l-għada, is-7 ta’ Marzu. Huwa żviluppa s-sintomi fil-11 ta’ Marzu.

Ir-raġel Taljan xogħlu jaħdem onlajn u għalhekk ma kellu l-ebda kuntatt ma’ nies oħrajn. Huwa kien imsiefer bejn id-29 ta’ Marzu u rritorna lura Malta fis-6 ta’ Marzu.

Il-mara Maltija, li taħdem fil-qasam tas-saħħa kienet Brussell fil-5 ta’ Marzu u daħlet ix-xogħol fl-10 ta’ Marzu. Is-sintomi tagħha żviluppaw fil-11 ta’ Marzu, bil-Professur Gauci tgħid li r-riskju li xerdet il-virus huwa minimu l-għaliex mill-ewwel ikkuntattjat il-helpline.

Minkejja dan, qed isir assessjar mill-viċin fuq il-familja tagħha u nies oħra li kienu f’kuntatt magħha f’dawn il-jiem. Il-mara attendiet xi avvenimenti u għalhekk dawn in-nies li kienu preżenti qed isir risk assessment fuqhom.

L-ewwel każ ta’ coronavirus f’Malta feġġ fis-Sibt li għadda u sa dik inhar l’hawn, il-każijiet telgħu għal 12. F’dawn is-sitt ijiem tħabbru sensiela ta’ miżuri f’livell politiku bħala miżuri ta’ prevenzjoni fosthom l-għeluq tal-iskejjel fost oħrajn.

Il-Professur Gauci qalet li mistenni jiżdiedu aktar il-każijiet. Il-Professur Gauci saħqet li l-każijiet kollha ġew impurtati minn barra l-pajjiż u s’issa m’hemm indikazzjoni li l-virus għadda minn persuna għall-oħra.

Ara wkoll:

Mara ħadmet fl-isptar jum qabel ħarġulha s-sintomi – ittieħdu l-prekawzjonijiet