Lokali
Jinżammu arrestati t-3 persuni akkużati b’rabta mal-każ tal-bomba li ma ħaditx fil-Fgura

Tlett irġiel, Paul u Jonathan Farrugia, u Lorenzo Callus tressqu l-Qorti u ġew akkużati li flimkien kienu f’għaqda kriminali u li ħadmu flimkien bil-ħsieb li joqtlu lil Mario Scicluna u lil Elaine Galdes, b’bomba li tpoġġiet mal-karozza ta’ Scicluna fil-Fgura fl-4 ta’ Jannar li għadda, liema bomba ma ħaditx. It-tlett irġiel li nżammu arrestati, ġew akkużati wkoll seperatament b’għadd ta’ akkużi li jvarjaw minn pussess ta’ arma tan-nar, u droga ħaxixa u eroina.

Wara aktar minn xahrejn ta’ investigazzjonijiet li laħqu l-qofol tagħhom il-Ħamis b’rejd fost oħrajn f’għalqa u f’garaxx f’Birżebuġa, fix-Xgħajra u f’Ħal Far, il-pulizija resqet lill-Qorti lil Paul Farrugia ta’ 34 sena mix-Xgħajra, lil Jonathan Farrugia ta’ 29 sena minn Birżebbuġa u Lorenzo Callus ta’ 49 sena mill-Qrendi mixlija fost oħrajn bl-attentat ta’ qtil ta’ Mario Scicluna u Elaine Galdes. Il-każ huwa b’rabta ma’ bomba li fl-4 ta’ Jannar li għadda tpoġġiet taħt il-karozza ta’ Scicluna fit-triq residenzjali fil-Fgura li iżda għal xi raġuni ma ħaditx kollha.

It-tlett irġiel iddaħħlu l-qorti jostru wiċċhom waqt li kienu skortati mill-Pulizija. Huma dehru quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja u ġew akkużati bi sħubija f’għaqda bil-ħsieb li jikkommettu reati kriminali. Ġew akkużati wkoll li assoċjaw ruħhom ma’ persuna jew persuni f’Malta jew barra minn Malta bil-għan li jwettqu delitt u li kellhom fil-pussess tagħhom materjal splussiv.

Lorenzo Callus waħdu ġie akkużat li żamm arma tan-nar bla liċenzja u li kellu raża tal-kannabis, pjanta tal-kannabis u droga eroina bi skop ta’ traffikar.

Paul Faurrugia ġie akkużat li f’garaxx fix-Xgħajra u fil-vann tiegħu kellu sigaretti tal-kuntrabandu b’valur ta’ kwazi €7,000. Jonathan Farrugia ġie akkużat ukoll li kellu raza tal-kannabis u oġġetti relatati mat-traffikar tad-droga.

It-tlieta li huma riċedivi b’sentenzi fil-konfront tagħhom mogħtija fil-passat. Fl-awla tal-Qorti t-tliet akkużati baqgħu fommhom sieket u lanqas wieġbu għad-domandi dwar id-dettalji personali taghhom. Huma wieġbu li mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.

Għal Lorenzo Callus deher l-avukat Christopher Chircop, għal Paul Farrugia, deher l-avukat Roberto Montalto u għal Jonathan Farrugia deher l-avukat Franco Debono. L-avukat Mario Mifsud deher parte civile għal Mario Scicluna u Elaine Galdes. F’dan l-istadju, d-difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest tat-tliet irgiel li baqa’ miżmuma taħt arrest. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-ispettur Keith Arnaud.

Ara wkoll:

Nies għal Qorti għada dwar il-każ tal-bomba li ma ħaditx fil-Fgura

FILMAT: Suspettat fil-bomba tal-Fgura jinħareġ taħt arrest mill-garaxx f’Birżebbuġa

Operazzjoni mill-Pulizija b’rabta mal-arrest ta’ 4 rġiel f’Birżebbuġa