Lokali
3 pulizija akkużati bi traffikar u pussess tad-droga

Tliet pulizija jinsabu akkużati bi traffikar u pussess tad-droga wara li nstabu fid-droga kokajina f’Paceville. Leon Grech, Shawn Brincat u Malcolm Buhagiar ġew akkużati wkoll li wettqu reat li kienu fid-dmir li jaraw li ma jseħħx.

Quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, l-Ispettur Justyne Grech qalet li uffiċjali tal-pulizija li kienu fuq xogħolhom f’Paceville u li daħlu fit-toilets mimlija nies ta’ club partikolari, raw lil Leon Grech b’pakkett suspettuż f’idejh u ġie arrestat.

Xehdet li ż-żewġ pulizija l-oħra dak il-ħin kienu fit-toilet wkoll iżda ma ġewx arrestati minħabba li kien Grech biss li kellu l-pakkett tal-kokajina. Qalet li fl-investigazzjonijiet imbagħad ħareġ li d-droga kienet maħsuba biex tinqasam ma’ Brincat u Buhagiar.