Lokali
Probation u multa wara li nqabad b’nofs kilo eroina

Herman McKay instab ħati ta’ pussess sempliċi ta’ nofs kilo eroina, iżda ma nstabx ħati ta’ pussess ta’ droga għal skop ta’ traffikar. Il-verdett ħareġ wara li ntemm il-ġuri ta’ McKay li kienu ilu għaddej għal dawn l-aħħar ġimagħtejn.

B’6 voti kontra 3, McKay ingħata probation ta’ 3 snin u weħel multa ta’ €10,000. Herman McKay ta’ 34 sena mill-Marsa kien ġie arrestat f’nofs Awwissu tal-2007 fi Triq is-Serkin il-Marsa wara li l-Pulizija irċeviet tagħrif li kien qed jittraffika d-droga.

Il-Pulizija kienu rnexxilhom iwaqqfuh milli jiddisponi mid-droga meta beda jxerridha mal-art fil-post fejn ġie arrestat. Aktar tard, testijiet fil-laboratorju kkonkludew li kien hemm ftit aktar minn 530 gramma eroina b’purità ta’ 23% u b’valur fis-suq ta’ kważi €25,000.

Il-każ kien qiegħed jinstema’ mill-Imħallef Antonio Mizzi, li ma laqax it-talba tal-prosekuzzjoni għal għomor il-ħabs. L-Avukati Justine Cilia u Elaine Mercieca dehru għall-Avukat Ġenerali, filwaqt li l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri kienu qed jidhru għall-akkużat.

Ara wkoll:

11-il sena wara jibda ġuri fuq traffikar ta’ nofs kilo eroina

Ġuri traffikar ta’ eroina – il-pulizija jixhdu dwar x’ġara dakinhar tal-arrest tal-akkużat