Barranin
30 mejta f’ħabta bejn żewġ ferroviji fil-Pakistan

Minn tal-anqas 30 persuna mietu u madwar 50 oħra ndarbu f’ħabta bejn żewġ ferroviji fin-nofsinhar tal-Pakistan. Għadd ta’ persuni oħra nqabdu fit-tifrik.

L-inċident seħħ fid-distrett Gothki, fil-provinċja Sindh, meta ferrovija qabżet il-linji u spiċċat fuq linji oħra, bil-konsegwenza li ferrovija oħra mimlija passiġġieri ħabtet ġo fiha u nqalbet.

L-isptarijiet tal-inħawi tpoġġew taħt stat ta’ emerġenza biex ilaħħqu mal-għexieren ta’ persuni midruba, li wħud minnhom jinsabu f’qagħda kritika.

Il-Prim Ministru Imran Khan qal li jinsab ixxukkjat bl-inċident, u li qed jordna investigazzjoni fuq is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija.